Ghid il-Ħamsin sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Għid il-Ħamsin sena B

L-AKBAR DON
Padre Henri Caffarel jikteb f’ittra minn tiegħu l-esperjenza ta’ tfajla li kienet sa tagħmel il-Griżma tal-Isqof. Din, lejlet dik il-ġrajja hienja, qagħdet titlob flimkien ma’ ommha. Waqt it-talb, it-tfajla kisret is-skiet tat-talb biex lil ommha tgħidilha b’mod sinċier: «Taf ma, naħseb li diġà rċevejt l-Ispirtu s-Santu.» «Kif taf?» staqsiet l-omm mistagħġba bit-ton konvint ta’ bintha. «Għax qed inħoss xewqa kbira u qawwija li nagħmel il-ġid, li ningħata lill-oħrajn għall-imħabba.» Din it-tfajla tagħtina tifsira sabiħa ħafna ta’ dal-Vanġelu li fih Ġesù, mhux biss jgħidilna x’jagħmel l-Ispirtu fina, iżda wkoll x’tagħmel it-Trinità. L-Ispirtu s-Santu hu l-akbar Don. Huwa l-għotja tal-Missier u l-Iben lil xulxin. Hu wkoll l-għotja ta’ Alla nnifsu lill-bniedem. Jekk inħossuna magħluqin, milwijin fuqna nfusna u nbatu biex nagħtu u ningħataw lill-oħrajn, dan hu sinjal li għandna nuqqas tal-Ispirtu s-Santu. F’din il-festa qaddisa ejjew nitolbu li jixxerred fuqna l-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej mhuwiex sa jċaħħadhulna. Dan wiegħdu u l-Ispirtu jixtieq jingħata... Bil-kotra.




ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content