Għid il-Ħamsin sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Għid il-Ħamsin sena B

L-ISPIRTU TAL-VERITÀ

Is-silta tal-Vanġelu fiha żewġ taqsimiet li kull waħda minnhom ittieħdet minn kapitlu differenti tal-Vanġelu ta’ San Ġwann. It-tnejn jitkellmu fuq l-istess suġġett: il-wegħda ta’ Ġesù li jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli tiegħu biex inebbaħhom kif għandhom jissoktaw il-ħidma tax-xandir tal-Bxara t-Tajba. L-Ispirtu tal-Verità – kif isejjaħlu Ġesù – jixhed jew iwettaq dak li għallem u għamel Ġesù. U d-dixxipli wkoll, imnebbħin minnu, isiru xhieda ta’ Ġesù bil-mod kif jgħixu skont it-tagħlim tiegħu. Il-misteru li qegħdin niċċelebraw illum seħħ fina lkoll fil-Magħmudija u reġa’ twettaq fina fis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Bil-Magħmudija l-Ispirtu s-Santu tana l-grazzja li nsiru wlied Alla fl-Iben ta’ Alla li sar bniedem għalina. Bil-Griżma din il-grazzja twettqet u ssaħħet fina. Biha sirna Nsara adulti u minn jeddna għażilna li nissoktaw it-triq li qbadna fil-Magħmudija, li hi t-triq tal-Vanġelu. Ejjew inħallu l-Ispirtu jmexxina biex bħalu u flimkien miegħu b’ħajjitna nixhdu sal-aħħar li aħna ta’ Kristu.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content