K: F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom:
S: “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”
K: U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu:
S: “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”
K: U hu qalilhom:
X “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: ‘Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien sa nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi.’”
K: Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla tal-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal:
X “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom sa jittradini.”
K: Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih:
S: “Jaqaw jien, Mulej?”
K: U Ġesù weġibhom:
X “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li sa jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”
K: Qabeż Ġuda, dak li ttradih, u qallu:
S: “Jaqaw jien, Rabbi?”
K: Wieġbu Ġesù:
X “Int qiegħed tgħidu.”
K: Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu lid-dixxipli u qal:
X “Ħudu, kulu, dan hu ġismi.”
K: Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u qal:
X “Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet. Ngħidilkom, li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’ Missieri.”
K: Kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imbagħad Ġesù qalilhom:
X “Ilkoll kemm intom sa titħawdu minħabba fija f’dan il-lejl; għax hemm miktub: ‘Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu.’ Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom.”
K: Qabeż Pietru u qallu:
S: “Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad qatt.”
K: Qallu Ġesù:
X “Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.”
K: Qallu Pietru:
S: “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!”
K: U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess. Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f’qasam, jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli:
X “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob.”
K: U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew, u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq. Imbagħad qalilhom:
X “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt, ibqgħu hawn u ishru miegħi.”
K: Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid:
X “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”
K: Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru:
X “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.”
K: Għat-tieni darba raġa’ mar jitlob u qal:
X “Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek.”
K: Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas. Ħalliehom, u raġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem. Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom:
X “Issa sa torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-bniedem sa jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li sa jittradini huwa fil-qrib!”
K: Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa kbira ta’ nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu. Issa dak li kien sa jittradih kien tahom sinjal u qalilhom:
S: “Lil dak li nbus, dak hu: aqbduh.”
K: U minnufih resaq fuq Ġesù; u qallu:
S: “Is-sliem għalik, Rabbi!”
K: U biesu. U Ġesù qallu:
X “Ħabib, għalhekk ġejt int!”
K: Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh. Wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. Imbagħad Ġesù qallu:
X “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?”
K: Fl-istess waqt Ġesù qal:
X “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u bil-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix. Iżda dan kollu ġara biex isseħħ il-kitba tal-profeti.”
K: Imbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu. Dawk li qabdu lil Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu nġabru l-kittieba u x-xjuħ. Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal ġewwa u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet sa tintemm il-biċċa. Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollha bdew ifittxu xhieda foloz kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, iżda għalkemm resqu bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar resqu tnejn u qalu:
S: “Dan qal: ‘Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’ nibnih fi tlitt ijiem.’”
K: Il-qassis il-kbir qam u qallu:
S: “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”
K: Imma Ġesù baqa’ sieket. Imbagħad il-qassis il-kbir qabad u qallu:
S: “Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla.”
K: Qallu Ġesù:
X “Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll: minn issa ’l quddiem għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ dak li jista’ kollox u ġej fuq is-sħab tas-sema.”
K: Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u qal:
S: “Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Ara, smajtuha issa d-dagħwa! X’jidhrilkom?”
K: Huma weġbuh u qalu:
S: “Ħaqqu l-mewt.”
K: Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh bil-ponn, u xi wħud tawh bil-ħarta u qalulu:
S: “Aqta’ min tahielek, Messija, din id-daqqa!”
K: Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, fil-bitħa tal-palazz. U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu:
S: “Int ukoll kont ma’ Ġesù tal-Galilija!”
K: Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal:
S: “Anqas naf xi trid tgħid.”
K: Imbagħad warrab lejn il-bieb, lemħitu qaddejja oħra u qalet lil dawk li kienu hemm:
S: “Dan kien ma’ Ġesù ta’ Nazaret.”
K: U raġa’ ċaħad u ħalef:
S: “Jien ma nafux lil dan il-bniedem!”
K: Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu:
S: “Tassew, inti wkoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta’ kliemek tikxfek.”
K: Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:
S: “Le, ma nafux lil dan il-bniedem!”
K: U minnufih is-serduk idden. U Pietru ftakar fil-kliem ta’ Ġesù meta qallu: “Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.” U ħareġ ’il barra jibki biki ta’ qsim il-qalb.
K: L-għada filgħodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt. Rabtuh u ħaduh magħhom biex jagħtuh f’idejn Pilatu, il-gvernatur. Imbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura; u qalilhom:
S: “Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!”
K: Iżda huma qalulu:
S: “Aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah int!”
K: Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq. Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu:
S: “Dawn ma nistgħux inqegħduhom mal-offerti, għax huma prezz tad-demm.”
K: Ftiehmu bejniethom, u b’dawk il-flus xtraw “l-Għalqa ta’ Ħaddiem il-Fuħħar,” biex fiha jidfnu l-barranin. Kien għalhekk li dik l-għalqa ssemmiet “l-Għalqa tad-Demm”, u hekk għadha magħrufa sal-lum. Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija meta qal: “U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, il-prezz ta’ dak li kien stmat bil-prezz mogħti minn ulied Israel, u tawhom għall-għalqa ta’ ħaddiem il-fuħħar, kif ikkmandani l-Mulej.”
K: Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur, u dan staqsieh:
S: “Int is-sultan tal-Lhud?”
K: U Ġesù wieġbu:
“Int qiegħed tgħidu.”
K: Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb xejn. Għalhekk Pilatu qallu:
S: “M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?”
K: Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna. Nhar ta’ festa, il-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi, lil min iridu huma. Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf, jismu Barabba. Mela kif kienu miġbura, Pilatu qalilhom:
S: “Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-Messija?”
K: Għax hu kien jaf li kienet l-għejra li ġagħlithom jagħtuh lil Ġesù f’idejh. Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet tgħidlu:
S: “Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust, għax illum minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm.”
K: Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh lil Barabba u jeqirdu lil Ġesù. Il-gvernatur, mela, raġa’ staqsiehom:
S: “Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?”
K: Weġbuh ilkoll:
S: “Lil Barabba.”
K: Qalilhom Pilatu:
S: “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?”
K: Weġbuh ilkoll:
S: “Sallbu!”
K: Hu staqsiehom:
S: “Imma x’għamel ħażin?”
K: Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu:
S: “Sallbu!”
K: Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li aktarx kienet sa tinqala’ xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal:
S: “Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm: dan arawh intom!”
K: U l-poplu kollu qabeż u qal:
S: “Demmu fuqna u fuq uliedna!”
K: Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu mantar aħmar skur; qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f’idu l-leminija, inxteħtu għarkupptejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu:
S: “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”
K: Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq rasu. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu. U ħaduh magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. Meta waslu f’post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, tawh jixrob inbid b’taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm għassa tiegħu. U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu li kienet tgħid hekk: “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.” Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu:
S: “Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva lilek innifsek jekk int l-Iben ta’ Alla, u inżel minn fuq is-salib!”
K: Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu:
S: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta’ Israel! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih! Hu jafda f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal: ‘Jiena Bin Alla!’”
K: U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu msallbin miegħu.
Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi u qal:
X “Elì, Elì, lemà sabaqtàni?”
K: Jiġifieri: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:
S: “Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!”
K: U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li l-oħrajn qalu:
S: “Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!”
K: Imma Ġesù raġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Kulħadd jinżel għarkupptejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
K: U ara l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel; l-art theżżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies. Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżżeż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ liema bħalu u qalu:
S: “Dan kien tassew Bin Alla!”
K: Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar filgħaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar. L-għada, jiġifieri meta għadda Jum it-Tħejjija, il-qassisin il-kbar u l-Fariżej inġabru għand Pilatu u qalulu:
S: “Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq, meta kien għadu ħaj, qal: “Wara tlitt ijiem inqum.” Mela ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli tiegħu jisirquh, u jgħidu lill-poplu: ‘Qam mill-imwiet.’ U hekk il-qerq tal-aħħar ikun agħar minn tal-ewwel!”
K: Qalilhom Pilatu:
S: “Għandkom l-għassa. Morru ħarsuh tajjeb kif tafu.”
K: U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa’ mħares sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.
Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu.