Ħadd il-Palm - Sena A
L-AĦĦAR ĠIMGĦA
Illum tibda l-Ġimgħa Mqaddsa, l-aktar żmien qawwi tas-sena liturġika, iż-żmien li fih nagħtu spazju lil Alla, wara li neħilsu lil qalbna mit-toqol tal-ħajja ta’ kuljum.
Il-Mulej jidħol f’Ġerusalemm. Dal-mument kien ilu jixtiequ, jistħajlu, ifittxu. Iżda l-affarijiet ma marrulux kif ittama jew stħajjel hu. Il-klassi tal-qassisin, żammet sħiħ fir-rabta mal-qagħda u l-privileġġi li fl-aħħar kienu reġgħu kisbu wara bosta sekli, u ħarset b’suspett lejn kull ċaqliqa ġdida. Il-Fariżej, li l-miġemgħa kienet tħobbhom minħabba l-ebusija u l-koerenza tagħhom, ma kinux lesti jċedu l-popolarità tagħhom għall-mastrudaxxa ta’ Nazaret. Hekk Ġesù jidħol fil-belt imqaddsa fi klima ta’ għadwa u mibegħda. Grupp ċkejken ta’ nies seħbuh, nies sempliċi, bħalu, nies milquta bi kliemu, bl-integrità tiegħu, bil-koerenza tiegħu. Bdiet l-aħħar ġimgħa ta’ ħajjet l-Imgħallem. Hija l-ġimgħa li fl-aħħar tkun tista’ turi l-qawwa ta’ kliemu u tal-mod kif jara lil Alla. Hawn hu, jinsab lest. Mhuwiexa imkabbar, riekeb fuq felu ta’ ħmara, ma jheddidx, iżda jaf xi jrid. Alla dieħel għaliha, Alla sa jagħti kollox. Id-dawl u d-dlam sa jitqabdu, l-istorja kollha, il-ġrajjiet kollha tal-bnedmin, l-istennijiet tagħna, il-ħajjiet ċkejknin issa qed jingħaqdu, bħallikieku ż-żmien naqqas l-għaġla tiegħu, waqaf biex jara, mistagħġeb, id-dehra ta’ Alla li jingħata bl-imħabba.