Ħadd il-Palm A
HOSANNA LIL BIN DAVID
Dis-sena r-rakkont tad-dħul solenni ta’ Ġesù f’Ġerusalemm jagħtihulna San Mattew. Ġesù tela’ lejn Ġerusalemm b’determinazzjoni biex hemm jagħti ħajti b’fidwa għall-bnedmin. Hu kien jaf xi jrid u x’kien sa jagħmel. Din id-determinazzjoni tidher ukoll fil-mod kif amar liż-żewġ dixxipli biex iħejjulu dak li kellu f’moħħu li jagħmel. Hu daħal fil-belt minn Betfaġe, li hu raħal fuq l-Għolja taż-Żebbuġ qrib Betanja, fuq it-triq li tieħu lejn Ġeriko. Did-darba l-Imgħallem ried juri li hu l-Messija u dak li kien sa jagħmel fil-Passjoni li kienet riesqa kien sa jagħmlu bħala Messija u Salvatur. Għalhekk id-dimostrazzjoni. Iżda Ġesù ried juri wkoll li hu ma kienx it-tip ta’ messija li kellhom f’moħħhom il-Lhud, għalhekk ma daħalx riekeb fuq żiemel, li juri l-qawwa, iżda fuq ħmara bil-felu tagħha, biex juri ċ-ċokon tiegħu li kien sa jidher bit-tixjin tiegħu fuq is-salib. L-Evanġelista jikkwota żewġ profeti biex juri dan: “Ara s-Sultan tiegħek ġej għandek” (Is 62:11), u ġej “ġwejjed riekeb fuq ħmara u fuq felu” (Żak 9:9). Il-laqgħa li għamlitlu l-miġemgħa turi li n-nies dakinhar laqgħu lil Ġesù bħala Messija – sejħulu “Bin David” – iżda laqgħuh ukoll bħala Salvatur – qalulu “Hosanna” li tfisser “Salvana!” Laqgħuh ukoll bħala Profeta: “Dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija.” B’xorti ħażina l-miġemgħa malajr tbiddel fehmitha: quddiem Pilatu hi għajtet: “Mhux lil dan, eħilsilna lil Barabba!” Aħna wkoll, f’waqtiet ta’ entużjażmu nifirħu b’Ġesù u nfaħħruh, iżda mbagħad malajr nibdlu l-fehma u nidinbu.