Ħadd il-Għid - Sena A
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (10:34a.37-43)
F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: «Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm.
Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu.»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
Fr Elija Vella OFMConv.
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
Salterju tal-Ottava tal-Għid
■ It-Tnejn 10 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 2:14.22-33; Salm 15:1-2a u 5.7-8.9-10.11; Mattew 28:8-15.
■ It-Tlieta 11 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 2:36-41; Salm 32:4-5.18-19.20 u 22; Ġwanni 20:11-18.
■ L-Erbgħa 12 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 3:1-10; Salm 104:1-2.3-4.6-7.8-9; Luqa 24:13-35.
■ Il-Ħamis 13 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 3:11-26; Salm 8:2a u 5.6-7.8-9; Luqa 24:35-48.
■ Il-Ġimgħa 14 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 4:1-12; Salm 117:1-2 u 4.22-24.25-27a; Ġwanni 21:1-14.
■ Is-Sibt 15 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 4:13-21; Salm 117:1 u 14-15.16ab-18.19-21; Mark 16:9-15.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.