Ħadd il-Għid - Sena A
ĦOBBNI, MULEJ!
Ġesù qam, tibqgħux tagħmlulu funerali, tagħlquh fit-teki, tifgawh bl-inċens u tisturduh fil-kant monotonu li jnissel diqa. Is-salib kien biss passaġġ, kien post proviżorju. Jinsab xi mkien ieħor. Mhux mogħti r-ruħ jew preżenti fit-tifkiriet tagħna. Hu dak li jgħix għal dejjem, dak li qam mill-mewt. Fil-Knisja u fid-dinja sa taraw dejjem u biss xi sinjali. Sa tkun il-fidi li tagħtihom il-ħajja. Sa tkun dik il-ġirja lejn is-sogru li tbiddel il-qlub li għadhom imtaqqlin. Hija l-ħarsa li tiddetermina l-ottimiżmu Nisrani li jaf jara lil hinn mid-dinja magħluqa fiha nfisha, lil hinn min-nuqqas ta’ fehem, lil hinn mid-dnewwa. Il-ħarsa. Ħobbni, Mulej li qomt. Ħobbni kif ħabbejt lid-dixxipli tiegħek, lil hinn min-nuqqasijiet tagħhom, fil-limiti tiegħi, lil hinn mit-tradimenti, ħobbni. Għax inti tħobbni bħalma ma jħobbni ħadd aktar u bħalma lanqas jien ma jseħħli nħobb lili nnifsi. Ħobbni, Alla glorjuż, għax int l-Imħabba u ma tistax ħlief tħobb. Ħa jeħodni Pietru sal-qabar. Li nara dak il-qabar vojt. Li nħoss li dik l-għotja sħiħa tiegħek innifsek kienet il-kejl ta’ mħabbtek għalija. Ħobbni, Mulej li qomt mill-mewt.