Ħadd il-Għid - Sena A
QALB TĦOBB U TĦOSSHA MAĦBUBA
«Ra u emmen.» Dak li ra seta’ kien ftit għal qalb iebsa. Fl-aħħar mill-aħħar, dawk kienu biss «faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.» Iżda d-dixxiplu ma rax “biss”, imma ra ġewwa. Il-qalb li tħobb u li tħossha maħbuba hi diġà qalb imqajma. Għalhekk hi tifhem mill-ewwel il-lingwaġġ tal-qawmien… F’din il-festa glorjuża, agħtina qalb bħal din, Mulej, biex inkunu nistgħu nagħrfu l-ħjiliet żgħar u kbar tal-qawmien tiegħek imxerrdin f’ħajjitna. Agħtina dawn l-għajnejn, l-għajnejn tal-fidi, li jafu jaqraw il-mużika divina li tinsab moħbija fil-ħwejjeġ ta’ kuljum. Agħtina wkoll l-umiltà ta’ dak id-dixxiplu l-maħbub li kien jaf jistenna, kien jaf iħalli lil Pietru jsieħbu, il-Knisja ssieħbu. Agħtina, nitolbuk, is-saħħa ta’ dawk ir-riġlejn li jafu jiġru u jilħqu fejn tinsab int, fejn titkellem int, fejn int tistenniena biex tagħmilna xandara tal-Qawmien.