Ħadd il-Għid A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ħadd il-Għid A
IL-QABAR VOJT
 
L-Għid imqaddes huwa l-akbar festa fil-liturġija tal-Knisja għax huwa s-siġill tal-misteri kollha u l-prova li dak li miet fuq is-salib għax hu bniedem, qam mill-mewt biex ma jmutx aktar għax hu Alla. Għalhekk il-liturġija llum tagħmel enfasi fuq il-qabar vojt. L-Għid huwa t-temma glorjuża tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, li jibda bit-Tħabbira tal-Anġlu u jintemm fuq il-Golgota bil-kelmiet “Kollox mitmum”. San Pawl jgħid li kieku Ġesù ma qamx fiergħa hi l-fidi tagħna u aħna għadna fi dnubietna. Imma Ġesù qam tabilħaqq u d-dixxipli rawh, messewh, kielu miegħu. L-ikel ma’ Kristu Rxoxt ifisser qsim miegħu fil-ħajja glorjuża tiegħu u ħbiberija intima miegħu. Dan iseħħ fil-Qsim tal-Ħobż (= l-Ewkaristija) li Kristu Rxoxt iċċelebrah kemm-il darba man-nies tiegħu wara li fl-Aħħar Ikla tahom il-mandat li jibqgħu jagħmlu dan b’tifkira tiegħu. Fl-Ewkaristija hemm Kristu Rxoxt u meta nirċevuha nkunu qed ningħaqdu miegħu biex inħalluh jibdilna fih. Is-sejħa tagħna, bħala Nsara, hi dik li nidħlu fl-istess sebħ tal-Imgħallem, li mexa qabilna, sar hu nnifsu triq għalina, biex dak li kiseb hu wara l-irfigħ tas-salib u t-tislib fuqu niksbuh aħna wkoll. Mela kuraġġ!
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content