Ħadd il-Għid - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ħadd il-Għid - Sena B
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (10:34a.37-43)

F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: «Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm.
Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu.»
Il-Kelma tal-Mulej.      Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI (Salm 117)
R/. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah

Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Israel:
«Għal dejjem it-tjieba tiegħu.» R/.

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin (3:1-4)

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art.
Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.
Il-Kelma tal-Mulej.     Irroddu ħajr lil Alla.
SEKWENZA

Ħa jgħollu l-Insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-ngħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.

F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
U qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.

«Għidilna, Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min rajt?»
«Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, il-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh.»

O, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. Hallelujah. (1Kor 5:7-8)
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul: nagħmlu, mela, festa fil-Mulej.
Hallelujah.


L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (20:1-9)

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: «Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!»
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.
Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej.       Tifħir lilek Kristu.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
Fr Elija Vella OFMConv.

- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
Salterju tal-Ottava tal-Għid
It-Tnejn 1 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 2:14.22-33; Salm 15:1-2.5.7-11; Mattew 28:8-15.
It-Tlieta 2 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 2:36-41; Salm 32:4-5.18-20.22; Ġwanni 20:11-18.
L-Erbgħa 3 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 3:1-10; Salm 104:1-4.6-9; Luqa 24:13-35.
Il-Ħamis 4 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 3:11-26; Salm 8:2.5-9; Luqa 24:35-48.
Il-Ġimgħa 5 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 4:1-12; Salm 117:1-2.4.22-27; Ġwanni 21:1-14.
Is-Sibt 6 ta’ April: Fl-Ottava tal-Għid. Qari: Atti 4:13-21; Salm  117:1.14-21; Mark 16:9-15.

Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content