Il-Jum qaddis tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet sena B
MIN IĦOBB JIĠRI L-AKTAR
«Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar.» Min hu mkebbes bl-imħabba ma jċedix. Hija t-tagħlima li tagħti Marija ta’ Magdala. La d-dlam, la l-biża’, la l-qtigħ ta’ qalb ma jwaqqfu l-mixja tal-imħabba. Anzi, lanqas il-mewt. Min iħobb jiġri aktar, jasal qabel l-oħrajn u jkun jeħtieġ ftit sinjali biex jifhem il-verità tal-Maħbub. Hija t-tagħlima li jagħtina d-dixxiplu l-maħbub. Il-Vanġeli li jitkellmu dwar il-qawmien jixbhu n-nida friska. Mill-fwieħa tal-ħaxix, niexef bix-xemx tal-jum ta’ qabel, li jerġa’ jiħdar u jfewwaħ mill-ġdid man-nida tal-għodwa. Iva, il-ħaxix sempliċi jitkellem dwar il-qawmien! Sewwasew bħal dawk in-nies li xehdu u li dwarhom ikellimna l-Vanġelu. Jitkellmu dwar l-Irxoxt. Jistgħu jitkellmu dwaru, għax rawh b’għajnejhom u ħassewh f’ħajjithom. Din hi l-isbaħ xewqa li nista’ nagħmillek. «Kristu qam» mhux biżżejjed!!! Jalla Kristu jqum fik! Ammen!