L-Għid sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Il-Jum qaddis tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet sena B

GĦARFUH FIL-QSIM TAL-ĦOBŻ
 
Il-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws iġibha biss San Luqa fil-Vanġelu tiegħu. L-Evanġelista joħloq kuntrast bejn id-dwejjaq ta’ min jaqta’ qalbu, ma jibqax jemmen, jinħall mill-irbit mal-Mulej, u l-ferħ ma jitfissirx ta’ min ikollu l-esperjenza ta’ Kristu Rxoxt. Id-dwejjaq taż-żewġ dixxipli mexjin minn Ġerusalemm lejn Għemmaws jidhru l-ewwel nett fil-kliem: “għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh” meta Ġesù beda miexi magħhom. Imbagħad jidher ukoll in-nuqqas ta’ fidi fil-kliem: “Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta” – kien, imma ma għadux! U anki meta n-nisa għarrfuhom bil-qabar vojt baqgħu ma emmnux. Iżda mbagħad “għajnejhom infetħulhom u għarfuh” fil-qsim tal-ħobż, jiġifieri fl-Ewkaristija. Permezz tagħha aħna, diġà minn din id-dinja, niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt. Minnufih iż-żewġ dixxipli nsew id-dwejjaq u l-għaja, imtlew b’enerġija ġdida u reġgħu lura lejn Ġerusalemm. Hemm sabu lil sħabhom li huma wkoll kienu ltaqgħu mal-Mulej glorjuż, u flimkien faħħru ’l Alla u ferħu bl-esperjenza ta’ xulxin.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content