F’dak iż-żmien: b’ġirja waħda għaddejna taħt ir-riħ ta’ daqsxejn ta’ gżira jisimha Kawda. Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna, u għalhekk tellgħuha mill-baħar. Imbagħad qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ u l-arbli, għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ ikaxkarna miegħu. Il-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew il-parank tal-ġifen b’idejhom stess. Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb, it-tempesta li laqtitna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.
In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u t-telf.
Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom mhu sa jitlef ħajtu: il-ġifen biss jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli: ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-ħajja ta’ dawk kollha li qegħdin jivvjaġġaw miegħek.’ Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif tħabbar lili. Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.”
Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu mitfugħin ’l hawn u ’l hemm fil-baħar ta’ Adrija. Għall-ħabta ta’ nofsillejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art. Skandaljaw il-għoli tal-baħar, u sabu għoxrin qama, imxejna ftit ieħor ’il quddiem reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax. Huma beżgħu li xi mkien konna sa naħbtu ma’ xi sikka, u għalhekk niżżlu erba’ ankri mill-poppa. Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma jisbaħ. Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu d-dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa.
Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: “Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw.” Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.
Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad iħajjarhom ilkoll biex jitrejqu b’xi ħaġa, u qalilhom: “Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk inħajjarkom tieħdu xi ħaġa tal-ikel, u jwetikom f’saħħitkom, għax ħadd minnkom mhi sa tintiliflu xagħra waħda minn rasu.” Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr ’l Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. Imbagħad kulħadd għamel il-qalb u ħadu xi ħaġa tal-ikel huma wkoll. Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen. Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.
Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista’ jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun. Imbagħad tellgħu l-qala’ tat-trinkett għar-riħ u ħadu għax-xtajta. Iżda ħbatna ma’ sikka, li kellha l-baħar miż-żewġ naħat. Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ. Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jaħrabx xi ħadd minnhom bil-għawm; iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ’l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen. U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.
Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela Pawlu ġabar qatta zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dar-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-ġustizzja ma ħallitux jgħix!” Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li sa jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.
F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. Wara dan, imbagħad, bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kulma konna neħtieġu.