L-Appostlu Missierna San Pawl
“MORRU FID-DINJA KOLLHA”
Qabel reġa’ mar għand il-Missier, Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu kif għandhom ikomplu huma l-ħidma li kien beda hu. Fis-silta tispikka l-importanza tal-Magħmudija, li hi l-muftieħ għas-salvazzjoni: “Min jemmen u jitgħammed isalva.” San Mark jagħti wkoll lista ta’ sinjali messjaniċi li l-ewwel dehru f’Ġesù, imma minn issa ’l quddiem dawn sa jidhru f’min jemmen u jitgħammed. Dawn huma t-tkeċċija tax-xjaten, it-taħdit b’ilsna ġodda, il-ħelsien minn kull ħsara, il-fejqan tal-morda. San Pawl meta ġie Malta daħal tajjeb f’dan il-mudell. Hawn ġie jxandar il-Bxara t-Tajba, ikeċċi x-xjaten tal-paganeżmu, tkellem bi lsien barrani u l-messaġġ wasal, il-velenu tal-lifgħa ma għamillux ħsara, u fejjaq lil missier Publiju u lill-morda kollha. Dan ifisser li San Pawl ġab ruħu tabilħaqq ta’ Appostlu ta’ Kristu u lil missirijietna nissilhom mill-ġdid fi Kristu. Dan jixħet fuqna r-responsabbiltà li bil-mod kif ngħixu ningħarfu b’uliedu.