Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran.
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel (47: 1-2.8-9.12)
F’dak iż-żmien: L-anġlu reġa’ ġiebni ħdejn il-bieb tat-tempju; u ara, kien hemm l-ilma ħiereġ minn taħt il-għatba tat-tempju lejn il-Lvant – għax it-tempju kien iħares lejn il-Lvant. U l-ilma kien ħiereġ min-naħa tal-lemin tal-għatba tat-tempju, in-naħa tan-Nofsinhar tal-altar.
Imbagħad ħariġni mill-bieb tat-Tramuntana u mexxieni mad-dwar, minn barra, sal-bieb ta’ barra li jħares lejn il-Lvant; u l-ilma kien inixxi min-naħa tan-Nofsinhar. U l-anġlu qalli: “Dan l-ilma ħiereġ lejn in-naħa tal-Lvant u nieżel lejn l-Għarabah; u meta jasal fil-Baħar il-Mejjet b’dak l-ilma mielaħ, l-ilma jsir ilma ħelu. U jiġri li, kull fejn tgħaddi dik ix-xmara, kull ħaġa ħajja li tiċċaqlaq tgħix; u jkun hemm kotra kbira ta’ ħut, għax minn kull fejn jgħaddi dak l-ilma, l-ilma jitjieb u jkun hemm il-ħajja minn kull fejn tgħaddi x-xmara.
Fuq iż-żewġt ixtut tax-xmara jikbru siġar ta’ kull ġens ta’ frott; il-weraq tagħhom ma jidbielx, il-frott tagħhom ma jonqosx. Kull xahar jagħmlu frott ġdid, għax l-ilma tagħhom ħiereġ mit-tempju; u l-frott tagħhom ikun ikel, u l-weraq duwa.”
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
Ir-raba’ ġimgħa tas-salterju
■ It-Tnejn 10 ta’ Novembru: San Iljun il-Kbir, papa u duttur tal-Knisja (TO). Qari: Għerf 1:1-7; Salm 138: 1-3.4-6.7-8.9-10; Luqa 17:1-6.
■ It-Tlieta 11 ta’ Novembru: San Martin ta’ Tours, isqof (TO). Qari: Għerf 2:23–3:9; Salm 33: 2-3.16-17.18-19; Luqa 17:7-10.
■ L-Erbgħa 12 ta’ Novembru: San Ġosofat, isqof u martri (TO). Qari: Għerf 6:1-11; Salm 81:3-4.6-7; Luqa 17:11-19.
■ Il-Ħamis 13 ta’ Novembru: Ferja. Qari: Għerf 7:22–8:1; Salm 118:89.90.91.130.135.175; Luqa 17:20-25.
■ Il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru: Ferja. Qari: Għerf 13:1-9; Salm 18:2-3.4-5; Luqa 17:26-37.
■ Is-Sibt 15 ta’ Novembru: Ferja / San Albertu l-Kbir, isqof u duttur tal-Knisja (T) / Il-Verġni Mqaddsa Marija f’Jum is-Sibt (T). Qari: Għerf 18:14-16;19:6-9; Salm 104:2-3.36-37.42-43; Luqa 18:1-8.
TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.