It-Twelid tal-Imqadda Verġni Marija
MARIJA L-OMM LI TINTERĊEDI GĦALINA
Fl-ewwel kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Mattew insibu l-ġenealoġija. Minn Abraham naslu sa Ġesù u fiha nsibu wkoll lil Marija u lil Ġużeppi, kollaboraturi attivi fl-opra ta’ Alla fl-istorja. Marija tilqa’ fi ħdanha lill-Iben ta’ Alla, dak li jġib fi tmiemha l-istorja tas-salvazzjoni. Illum taħbat il-festa tat-twelid ta’ Marija u hi ħaġa sabiħa ninnutaw kif f’dil-festa nikkuntemplaw lil Ġesù permezz ta’ Marija. Fiċ-ċentru tal-istorja hemm Ġesù, l-Immanu ’El, Alla magħna. Is-salvazzjoni mela tiġi minn Ġesù, u Marija hi prezzjuża f’din l-opra salvifika. Hija «l-bieb tal-fidwa», it-tħabbira li Kristu huwa t-tmiem. Santa Tereżina ta’ Lisieux dwar dan il-jum ta’ festa tgħid: «Kemm hi sabiħa l-festa tat-twelid ta’ Marija biex issir l-għarusa ta’ Ġesù! Kienet iċ-ċkejkna Verġni Qaddisa ta’ ġurnata li ppreżentat il-warda ċkejkna liċ-ċkejken Ġesù … dak il-jum kollox kien ċkejken barra l-grazzji u l-paċi li rċevejt.» Din it-tifkira ta’ Santa Tereżina llum tħeġġiġna nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija biex inkunu nistgħu nilqgħu il-grazzja ta’ Alla anki fl-aktar ħwejjeġ żgħar li jiġu quddiemna llum.