It-Trinità Qaddisa sena B
Lilna l-Insara l-Mulej, fit-tjieba tiegħu, ried jurina u jgħarrafna xi ħaġa iżjed milli wera u għarraf lil ħaddieħor dwar il-misteru infinit tiegħu. Huwa jidher quddiemna bħala Alla Wieħed ta’ glorja u qawwa bla qjies iżda fi Tliet Persuni ko-eterni u ko-ugwali marbutin bejniethom bi mħabba safja u infinita. Din l-imħabba ta’ Alla, li hi Alla nnifsu, urihielna fil-konkret Sidna Ġesù Kristu, li hu l-Verb magħmul bniedem. Dak li għex u għallem Ġesù sar mudell ta’ għajxien għal dawk kollha li jemmnu u jaċċettaw is-salvazzjoni li tana hu. Għalhekk fuq il-mudell li tana Alla stess il-Kristjaneżmu huwa r-reliġjon tal-imħabba. Fejn tonqos din m’hemmx Insara veri. Fis-silta tal-Vanġelu jingħad li dawk kollha li jemmnu jkunu magħduda mal-poplu ta’ Alla u jiffurmaw il-Knisja, li hi l-ġemgħa ta’ dawk kollha magħqudin f’fidi waħda u fit-tifħir tat-Tliet Persuni f’Alla Wieħed. Huma dawk li tgħammdu fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu.