Trinita Qaddisa sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Trinità Qaddisa sena B

L-ISTEDINA TAN-"NIFS"
Jekk nieħdu minn San Pawl il-analoġija tassew sabiħa tal-magħmudija bħala lbies – «Intom li tgħammidtu fi Kristu, ilbistu ’l Kristu» – inkunu nistgħu ngħidu mingħajr ma ngħaġġbuha li l-aħħar stedina ta’ Ġesù fil-Vanġelu ta’ San Mattew hi dik li nogħdsu u nilbsu l-ħajja tat-Trinità permezz tal-magħmudija fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Hija sejħa biex ngħixu ġa minn issa il-milja li għaliha nħlaqna. Mistika tassew kbira tat-Trinità tas-seklu li għadda, Santa Eliżabetta tat-Trinità, kienet tgħid li l-ħajja tat-Trinità, diġà hawn fuq l-art, hija «l-kjostru tagħna u l-għamara tagħna.» Għalhekk kliem Ġesù li jagħlaq il-Vanġelu ta’ San Mattew huwa stedina biex nieħdu n-nifs, mhux mill-arja ta’ din l-art, iżda min-Nifs tal-Missier u tal-Iben (“Nifs” hu wieħed mill-ismijiet tal-Ispirtu s-Santu fit-tradizzjoni teoloġika u spiritwali). San Bernard jinqeda b’analoġija sabiħa biex jitkellem dwar l-Ispirtu. Huwa u jikkummenta l-Għanja tal-Għanjiet, jgħid li l-Ispirtu huwa bħal bewsa u tħaddina ta’ mħabba mogħtija eternament mill-Missier lill-Iben. Nidħlu aħna wkoll f’din it-Tħaddina, nieħdu n-nifs minn dan in-Nifs. Induqu minn qabel l-eternità.





ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content