It-Trinità Qaddisa sena B
L-ESPERJENZA TA' QIMA U MĦABBA
L-aħħar stedina ta’ Ġesù fil-Vanġelu ta’ San Mattew hi dik nogħdsu u nilbsu l-ħajja tat-Trinità bil-magħmudija «fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.» Hija sejħa biex nibdew ngħixu ġa minn issa l-milja li għaliha nħlaqna. Santa Tereża ta’ Avila, infatti, kienet tgħallem li dak li l-qaddisin fis-sema jgħixu fid-dehra, aħna nħossuh diġà fuq l-art fil-fidi. Il-ħajja tat-Trinità, diġà minn hawn isfel fuq l-art hija «l-kjostru tagħna u l-għamara tagħna», kienet tgħid Karmelitana oħra, Eliżabetta Catez. Aħna mistednin nieħdu n-nifs, mhux biss mill-arja ta’ din l-art, imma wkoll u fuq kollox min-Nifs safi u etern li jieħdu flimkien il-Missier u l-Iben. Aħna mistednin nidħlu, fiż-“żmien”, fil-Bewsa eterna li l-Missier u l-Iben jagħtu lil xulxin li hi l-għaqda tal-Missier u tal-Iben. F’din il-festa l-ħsieb irid isir esperjenza u l-kelma skiet li jqim u jħobb. Nitolbu mela ma’ Eliżabetta tat-Trinità: «Alla tiegħi, Trinità li nqim, għinni ninsa għalkollox lili nnifsi, biex nibqa’ sħiħ magħkom, bla ma nitħarrek u kwieta bħallikieku ruħi diġà tinsab fil-ħajja ta’ dejjem.»