It-Trinità Qaddisa - Sena A
Min jgħix f’Alla... jgħix għal dejjem!
Forsi l-Misteru tat-Trinità Qaddisa huwa wieħed mill-akbar, jekk mhux l-akbar misteru li għandna fil-fidi tagħna. Huwa misteru li matul is-sekli ġibed ħafna nies lejh biex jirriflettu fuqu, kemm b’mod spiritwali kif ukoll b’mod sistematiku u teoloġiku. Ħafna nkiteb fuq dan il-misteru, iżda wkoll, jista’ jkun li dan il-ħsieb kollu ma wassal lil ħadd biex jidħol f’dan il-misteru. Mhux tant għax ir-riflessjoni mhijiex profonda biżżejjed, jew inkella l-ħsieb huwa superfiċjali, imma għaliex misteru tant kbir qatt u qatt ma jista’ jinħakem mill-moħħ tal-bniedem, kbir kemm hu kbir.
Quddiem il-Misteru tat-Trinità, il-bniedem għandu jinxteħet wiċċu fl-art, bħal Mosé, u jagħti qima xierqa lil Alla l-Imbierek, u jfaħħru bla ma jieqaf. L-istess Mosé, li sab ħniena quddiem Alla, jitolbu biex jinżel f’nofs il-poplu u jrattablu rasu, u jieħdu b’wirt tiegħu. Mosé jagħraf, li l-kobor tal-moħħ tal-bniedem qatt ma jista’ jkun biżżejjed biex il-bniedem jidħol jgħix fil-Misteru ta’ Alla. Fi kliem ieħor, Mosé talab għal qalb umli, li quddiem il-kobor tal-Glorja ta’ Alla taf tinxteħet fl-art f’adorazzjoni u waqt li tiskot, tfaħħar lil Alla bla ma tieqaf.
Alla jfittex nies bħal dawn biex permezz tagħhom iwassal l-Ispirtu tiegħu fid-dinja, biex flimkien miegħu iwasslu l-ferħ tiegħu lil uliedu l-għeżież li s’issa għadhom ma għarfux l-imħabba tiegħu f’ħajjithom, biex b’nies bħal dawn jiġbed lejh id-dinja kollha. Dan għaliex il-qalb umli biss u mhux il-moħħ supperv li jaħseb li jifhem kollox, tista’ tilqa’ u taċċetta l-kobor tal-imħabba ta’ Alla. U fl-istess ħin il-qalb umli biss tista’ taqsam dan il-kobor kollu mal-aħwa, għaliex min għamel esperjenza vera tal-imħabba bla qjies ta’ Alla l-Imbierek, ikun ħerqan li jaqsamha ma’ ħaddieħor, biex ħaddieħor jgħix u jgħix sewwa u ta’ veru taħt il-ħarsien ta’ Alla l-Għoli.
Il-Misteru tat-Trinità Qaddisa jħalli f’min jgħix bih il-ferħ veru li l-ebda ħalliel ma jista’ jisraq, il-paċi li l-ebda saltna ma tista’ tagħti, l-għaqda bejn l-aħwa li ebda ftehim magħmul mill-bniedem ma jista’ jiggarantixxi, l-imħabba li l-ġid kollu materjali tad-dinja ma jista’ qatt jakkwista u l-konvinzjoni li Alla l-Imbierek biss hu l-bidu, l-kontinwazzjoni u t-tmiem ta’ kollox, għaliex min jgħix b’dan ikun qiegħed jgħix f’Alla l-Imbierek. U min jgħix f’Alla, jgħix għal dejjem.