It-Trinità Qaddisa - Sena A
ALLA TA LIL IBNU L-WAĦDIENI
Il-misteru tat-Trinità: tliet Persuni distinti, indaqs, f’Alla wieħed, huwa l-karatteristika tar-reliġjon Nisranija. Illum irridu rroddu ħajr lil Alla li għoġbu jwessgħalna r-rivelazzjoni dwaru nnifsu u jurina li hu jeżisti f’komunità ta’ mħabba, għax Alla huwa mħabba. Din is-silta tal-Vanġelu hija parti ċkejkna mid-diskors ta’ Ġesù ma’ Nikodemu, li mar għandu fis-satra tal-lejl imma huwa dawwallu moħħu bit-tagħlim li tah. Ġesù lil Nikodemu kellmu dwar l-imħabba ta’ Alla, li tant iħobbna li biex insalvaw bagħtilna lil Ibnu. Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja “biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.” Dan hu l-misteru tal-Inkarnazzjoni, karatteristika oħra tat-twemmin Nisrani, li fih ħadmet it-Trinità kollha: il-Missier bagħat, l-Iben ġie, l-Ispirtu s-Santu mela l-qlub ta’ min ried jilqa’ l-grazzja tiegħu. U hawn jinsab il-muftieħ: biex insalvaw jeħtieġ li naċċettaw il-grazzja li Alla bagħtilna f’Ibnu. “Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat.”