Trasfigurazzjoni - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej
NISIMGĦU LILU

Ir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej hu marbut mal-misteru tal-Għid. Fih naraw lil Kristu fil-glorja tiegħu ta’ Alla qabel il-qawmien tiegħu mill-mewt. San Mattew idaħħal ir-rakkont eżatt wara li Ġesù ħabbar lid-dixxipli għall-ewwel darba li hu kellu jmur Ġerusalemm, hemm imut fuq is-salib u jqum fit-tielet jum. Dakinhar Pietru liem lil Ġesù għal dak il-kliem. Ninnutaw li x-xitan dejjem jinqeda b’Pietru biex jibqa’ jġarrab lil Ġesù u jfixklu fl-għażliet tiegħu. Hekk ġara wkoll dakinhar tat-Trasfigurazzjoni: “Kemm hu sew li aħna hawn!” Pietru ried jaqbeż il-passjoni u jmur mill-ewwel għall-glorja. Dawk it-tliet dixxipli li quddiemhom Ġesù nbidel, huma l-istess tlieta li kienu sa jkunu qrib tiegħu u jarawh fl-agunija tal-Ġnien taż-Żebbuġ. Fuq dik il-muntanja għolja huma “raw” il-glorja ta’ Kristu. Iżda aħjar kieku ngħidu li kellhom l-esperjenza ta’ Kristu glorjuż, li hi esperjenza kollha kemm hi spiritwali. Jiġifieri d-deskrizzjoni li jagħtina l-Vanġelu tat-Trasfigurazzjoni hija improprja għax tipprova tfisser bi kliem uman dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem iżda li Alla ħejjieh għal min jibża’ minnu. Flimkien ma’ Ġesù dehru Mosè u Elija, il-Liġi u l-Profeti. Skont San Luqa dawn kien “jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.” L-Iskrittura twettaq ir-rieda tal-Missier li ried li Ibnu jkun Messija sofferenti. Instema’ wkoll leħen il-Missier: “Isimgħu lilu.” Il-kitbiet tat-Testment il-Qadim kienu jħarsu lejn Kristu, issa li ġie Kristu nisimgħu lilu biex nagħrfu x’inhi r-rieda tal-Missier.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content