Tlugħ il-Mulej fis-sema A
ĠESÙ GĦADU MAGĦNA
Fl-Iskrittura hemm żewġ tradizzjonijiet dwar it-tlugħ tal-Mulej fis-sema, jew aħjar ir-ritorn tiegħu għand il-Missier. Hemm dik ta’ San Mattew li jgħid li dan seħħ fuq għolja tal-Galilija, u hemm dik ta’ San Luqa (li tinsab fil-Vanġelu u fl-Atti) li jgħid li dan seħħ fuq l-Għolja taż-Żebbuġ f’Ġerusalemm. Min minnhom qed jgħid il-verità? It-tnejn, għax it-tnejn li huma ma tbegħdux mill-essenzjal. U x’inhu l-essenzjal? L-essenzjal huwa l-messaġġ duttrinali li ż-żewġ tradizzjonijiet ixandruh l-istess: il-Mulej Ġesù miet tabilħaqq fuq is-salib, dam parti minn tlitt ijiem midfun f’qiegħ l-art, qam mill-mewt, dam għal żmien jidher lid-dixxipli biex jurihom kif għandhom jissoktaw il-missjoni tiegħu. Imbagħad ma deherx aktar għax reġa’ mar għand il-Missier. B’danakollu hu baqa’ preżenti fost id-dixxipli tiegħu ta’ kull żmien permezz tal-Ispirtu tiegħu u tal-Missier. L-Iskrittura tipprova twassal dan il-misteru bil-kliem uman u biex tagħmel dan timxi fit-triq tal-kultura taż-żmien u tal-post li fihom jgħammru l-bnedmin. Mir-rakkont ta’ San Mattew ninnutaw li xi wħud baqgħu sal-aħħar jiddubitaw... il-bniedem idum biex jemmen u jafda. B’danakollu l-aktar ħaġa importanti hi l-wegħda li għamlilna Ġesù qabel telaq: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien.” Imma anki din irridu nilqgħuha bil-fidi.