Tlugħ il-Mulej fis-sema Ċ
‘REFA' JDEJH U BERIKHOM’
Illum qed niċċelebraw is-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej Ġesù. Fl-Evanġelju meħud mill-Evanġelista San Luqa (24:46-53) nassistu għall-aħħar waqtiet tal-Imgħallem mal-Appostli tiegħu f ’Betanja, qabel ma nfired minn magħhom u tela’ s-sema ħdejn Alla l-Missier. Il-kliem ta’ Ġesù lil ħbiebu jiddeskrivu fil-qosor l-għeluq tal-ħidma li hu għamel fid-dinja – il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu – ħidma li ġabet is-salvazzjoni lill-umanità. Din il-ħidma tiegħu kellha tkompli ssir mill-Appostli u s-suċċessuri tagħhom matul iż-żminijiet – permezz tax-xandir tal-Aħbar it-Tajba lill-ġnus kollha. Dan kellu jsir bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Ir-ritorn ta’ Ġesù fis-Sema iġagħalna nerġgħu nġibu quddiem għajnejna l-ġrajjiet ewlenin li għadda minnhom il-Mulej fost il-bnedmin. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni jurina kif l-Iben ta’ Alla sar bniedem bħalna permezz tal-kooperazzjoni ta’ Marija mal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Huwa twieled u għex bħala bniedem normali fil-Palestina. Fi rġulitu ħareġ iwassal il-Bxara t-Tajba fost dawk li riedu jersqu lejn Alla b’qalb umli u disposta.
Huwa ltaqa’ ma’ kull tip ta’ nies – tfal, żgħażagħ, miżżewġin, ġenituri, anzjani, ħaddiema, għorrief, foqra, morda u midinbin – u min tah widen ħass ħajtu tinbidel. Għażel tnax-il Appostlu biex jimxu warajh u jkunu ta’ xhieda għal kliemu u għemilu. Għamel diversi mirakli ta’ fejqan biex juri l-qawwa ta’ Alla fost il-bnedmin. Terraq minn post għal ieħor, dejjem jistenna l-mument meta kellu jħalli ħajtu b’fidwa għall-kotra. Għadda minn proċess ġudizzjarju u għalkemm kien innoċenti inqatgħetlu għall-mewt. Imma wara tlitt ijiem rebaħ il-mewt u deher lil ħbiebu biex iqawwihom fil-fidi tagħhom.
Illum, bħalma Ġesù refa’ jdejh u bierek għall-aħħar darba lill-Appostli, huwa jrid li aħna wkoll nirċievu l-barka tiegħu biex inkomplu l-vjaġġ tagħna lejn is-sema pajjiżna. Il-Mulej irid jiltaqa’ magħna fl-Ewkaristija biex jagħtina kelma ta’ kuraġġ. Qalbna u moħħna jridu jkunu disposti biex nilqugħ fina. Huwa qed jerġa’ jtenni l-kliem li qal lill-Appostli tiegħu biex aħna ma nibżgħux imma nemmnu fih. Ejjew inħalluh jieħu kontroll tagħna nfusna filwaqt li nitolbuh ‘Tkun ir-rieda tiegħek, Mulej.’