Tlugħ il-Mulej fis-sema Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Tlugħ il-Mulej fis-sema - Sena Ċ
“X'INTOM TĦARSU LEJN IS-SEMA?”

Wasalna fit-tmiem ta’ storja (u l-bidu ta’ oħra). Il-Festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej hija l-aħħar kapitlu tal-qagħda tiegħu fid-dinja u biex ngħidu hekk l-ewwel kapitlu tal-missjoni tal-Knisja biex tkompli l-ħidma tiegħu. Għax għalkemm Ġesù telaq minn fostna, xorta waħda ma setax jgħid “Mission accomplished!” Tassew, il-battalja l-kbira kien rebaħha; fdiena bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Imma issa jonqos it-tieni parti tal-battalja: li din l-istess fidwa titħabbar u titwassal lill-bnedmin kollha, ta’ kull post u ta’ kull żmien.

Hemm kontinwità sħiħa bejn dawn l-aħħar vrus tal-Evanġelju skont San Luqa u l-ewwel paġna tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (miktub mill-istess awtur) li nsibu fl-Ewwel Qari tal-lum. Għandna qisu “relay race”, dik it-tellieqa li fiha l-ġerrejja jiġru b’bastun ċkejken f ’idejhom li jridu jnewluh lil sħabhom biex dawn ikomplu t-tellieqa u huma wkoll jgħaddu l-bastun lil ta’ warajhom. U jibqgħu sejrin hekk sa ma l-erba’ ġerrejja jkunu ħadu l-bastun u temmew il-ġirja.

L-Evanġelju jagħmilha ċara x’inhi din il-missjoni li l-Appostli kellhom ikomplu: “Li lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm, tixxandar f ’isem Ġesù l-indiema għall-maħfra taddnubiet.” Il-Knisja kellha tkompli l-istess opra ta’ ħniena li nieda Ġesù billi tistieden lill-bnedmin kollha għall-konverżjoni; sintendi, din il-ħidma ma setgħetx tagħmilha waħedha, imma taħt it-tmexxija u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li l-Mulej wiegħed lil ħbiebu qabel ittieħed minn magħhom.

Nistgħu nobsru li għad-dixxipli dan kien mument “bittersweet”, sabiħ u ta’ niket fl-istess ħin. L-Evanġelista jgħidilna li kienu mimlija bil-ferħ quddiem it-tlugħ glorjuż ta’ Ġesù fis-sema, u b’xhieda tat-twemmin imġedded tagħhom inxteħtu fl-art jagħtuh qima; imbagħad marru lejn Ġerusalemm u qattgħu ħin twil ifaħħru lil Alla fit-tempju.

Iżda fl-ewwel vrus tal-Atti tal-Appostli, Luqa jagħtina dettall kurjuż u ħelu fl-istess ħin, li seħħ bejn it-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema u t-tluq tad-dixxipli lejn Ġerusalemm: jgħidilna li baqgħu b’ħarsithom ’il fuq, iċċassati lejn is-sema b’meravilja, jew b’xi naqra nostalġija għal Ġesù li issa ma kinux se jarawh aktar.

Iżda dehrulhom żewġ anġli li malajr ġabuhom f ’sikkithom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù li ttieħed minn magħkom lejn is-sema, hekk għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.” Donnhom qed jgħidulhom: “Xammru l-kmiem, l-aħwa, u tibqgħux taħlu l-ħin. Il-Mulej fdalkom missjoni urġenti: li twasslu l-fejqan tiegħu lid-dinja kollha. Mela tibqgħux tiċċassaw, għax id-dinja kbira!”

Dan l-istess kliem għadu japplika għalina wkoll, illum.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content