Tlugħ il-Mulej fis-sema Ċ
ISSA L-MISSJONI F’IDEJN ID-DIXXIPLI
Ġesù jagħlaq il-missjoni tiegħu bħala bniedem fuq l-art billi jfakkar lid-dixxipli li dak kollu li għadda minnu fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu hu miktub fl-Iskrittura. Jiġifieri din kienet ir-rieda ta’ Alla l-Missier. Mhux biss, imma li issa l-maħfra tad-dnubiet tixxandar lill-ġnus kollha, “ibda minn Ġerusalemm” għax f’Ġerusalemm seħħet il-fidwa tal-bniedem bil-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Xhieda ta’ dan huma l-Appostli li wara ftit jiem kellhom jimtlew bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex ikunu jistgħu jkomplu l-missjoni ta’ Ġesù huma. Wara din il-ġrajja, Ġesù ma deherx aktar fuq l-art, imma xorta baqa’ preżenti permezz tal-Ispirtu tiegħu. Id-dixxipli dan ħassewh u mtlew bil-ferħ “u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.” Hekk ukoll għandu jagħmel in-Nisrani: jifraħ għax iħoss il-preżenza ta’ Alla fih u f’dak kollu ta’ madwaru, u jbierek u jfaħħar ’l Alla tul ħajtu kollha.