Tifkira Solenni tal-Għid tal-Imwiet
HENJIN
Is-silta hi meħuda minn diskors twil ta’ Ġesù li f’Mattew insibuh f’kapitli 5-7, imsejjaħ “id-Diskors tal-Muntanja”. Huwa diskors importanti ħafna u essenzjali għal min irid jgħix ta’ Nisrani awtentiku. Jissejjaħ “tal-muntanja” għax l-Evanġelista fil-bidu jgħid: “Ġesù, kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja... u hu fetaħ fommu u beda jkellimhom...” Dan ifakkarna f’Mosè, li filwaqt li l-poplu baqa’ jistenna f’riġlejn il-muntanja Sinaj, hu tela’ u ħa minn idejn Alla l-għaxar kmandamenti. Hawn għandna lil Ġesù, Mosè ġdid, li wkoll tela’ fuq il-muntanja u did-darba bis-setgħa tiegħu stess, ta l-kmandamenti mġedda lil dawk li riedu jimxu warajh. Dawn huma l-Beatitudnijiet, li kull waħda minnhom tibda bil-kelma “henjin”. L-aktar beatitudni importanti hija l-ewwel waħda li ssemmi l-“foqra fl-ispirtu”. Dawn huma dawk li f’ħajjithom jagħmlu r-rieda ta’ Alla... anki meta ma jifhmuhiex. L-oħrajn huma tifsiriet prattiċi tal-ewwel beatitudni. Il-beatitudnijiet kollha nistgħu niġbruhom f’dik il-frażi ta’ Ġesù li sikwit naqrawha fil-Vanġelu: “Dawk tal-ewwel għad jiġu l-aħħar, u tal-aħħar għad jiġu l-ewwel.”