Sidtna Marija mtellgħa s-sema
“HIENJA DIK LI EMMNET”
Is-salvazzjoni li tana Kristu tmiss lill-bniedem sħiħ: ruħ u ġisem. Għalhekk aħna nistqarru li jekk immutu fi Kristu, il-ġisem dgħajjef tagħna għad jieħu s-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu. Dan huwa t-twemmin tagħna, għax nafu li f’dak li għamel Ġesù sieħeb lilna miegħu: hu miet fuq is-salib, mela miegħu mitna aħna għall-ħajja tad-dnub; hu qam mill-mewt, mela miegħu qoma aħna għall-ħajja bla tmiem. Dan il-misteru għad isseħħ f’kull Nisrani li jemmen fis-Salvatur b’qalbu kollha meta l-Mulej jerġa’ jiġi fil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. Imma dik li kienet imħejjija sa minn dejjem f’moħħ il-Mulej biex minnha jitwieled Ġesù u tkun Omm Alla, bi privileġġ speċjali diġà seħħ fiha dak li sa jseħħ fina aktar ’il quddiem. Għax hi l-ewwel dixxipla, l-ewwel Nisranija, l-ewwel waħda li emmnet. Issa nistgħu nifhmu sewwa l-kliem imnebbaħ ta’ Eliżabetta: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1:45).