Marija Omm Alla - Sena A
FEJN HEMM MARIJA, HEMM ĠESÙ
«Sabu lil Marija u lil Ġużeppi u t-tarbija.» Ubi Mater, ibi Filius. Fejn hemm Marija, hemm Ġesù. Hekk kien, hekk hu, hekk għad ikun. Għax fejn hemm Marija, hemm qalb li tnissel fis-skiet il-Kelma, tiled il-Kelma fid-dinja, u fl-istess ħin, tiled lilha nfisha għall-ħajja ta’ Alla. Fejn tgħaddi Marija, hemm jingħaraf Ġesù. Meta tiltaqa’ ma’ Marija joktor it-tifħir ta’ Alla, għax il-Magnificat tagħha jittieħed. Fil-bidu ta’ din is-sena, bħala dixxipli maħbubin, indaħħlu lil Marija f’darna, fl-għamara ta’ ħajjitna, f’ħidmietna u f’serħanna, f’tamietna u f’beżgħatna. Niftakru flimkien magħha l-ħidma ta’ Alla fina, inħarsu flimkien magħha l-Kelma, niftħu l-preżent tagħna għall-ġejjieni ta’ Alla. F’dinja bil-ġuħ għal Alla, tant li tfittxu f’dak kollu li jista’ jkun ikkunsmat, inħarsu lejn Marija. Hi tgħallimna li Alla jinsab fl-għamara tas-smigħ u fid-dar tas-sempliċità, fil-ħila li wieħed jingħata u fiż-żamma tal-fwieħa tal-Laqgħa.