Marija Omm Alla - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Marija Omm Alla
KULL MIN SEMAGĦHOM BAQA’ MISTAGĦĠEB

Quddiemna llum jerġgħu jidhru r-rgħajja ta’ Betleħem, li marru “u sabu ’l Marija u ’l Ġużeppi u t-tarbija”. F’Jum il-Paċi, kif riedu jkun Papa Pawlu VI u kif kien aċċettat mill-Ġnus Magħquda, din il-paċi vera li jaf jagħtiha Alla biss nistgħu nsibuha fejn sabuha r-rgħajja – fi ħdan il-Familja Mqaddsa, li ż-żgħir fiha hu l-kbir għax hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Jgħidilna l-Evanġelista li r-rgħajja sabu ’l Ġesù tarbija u “reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru ’l Alla għal dak li raw u semgħu.” “...U kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom irrgħajja.” Dan ifisser li dawn in-nies sempliċi, li dak iż-żmien kellhom fama ta’ ħallelin, kif sabu ’l Ġesù fil-faqar laqgħuh mill-ewwel u saru missjunarji tiegħu. Xandruh lill-oħrajn u rebħuhom għalih. Biex aħna nwasslu lil Ġesù lil min ma jafux, l-ewwel irridu naċċettawh kif inhu b’tagħlimu b’kollox. Ngħixu dak li jgħallem u b’ħajjitna nħajru oħrajn jagħmlu bħalna. Illum ukoll hija l-festa taċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġesù, li biha ngħata l-isem ta’ “Ġesù” li hu fuq kull isem u li jfisser Salvatur, u ntlaqa’ bħala wieħed mill-poplu Lhudi. Dan ukoll huwa sinjal tal-misteru tal-Inkarnazzjoni għax issa Alla li sar bniedem ingħaqad ma’ komunità partikulari ta’ bnedmin  biex fi ħdanhom jitrawwem u jħejji ruħu biex jasal għall-opra tal-fidwa tal-bnedmin kollha ta’ kull żmien.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content