Marija Omm Alla Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Marija Omm Alla - Sena Ċ

SENA ĠDIDA... BIDU ĠDID... JEW INKOMPLU FEJN ĦALLEJNA?

Illum hu bidu ġdid għal ħafna affarijiet: temmejna sena oħra... imma dan ifisser biss le sa nbidlu n-numru fis-sena tad-data... jew li sa nżanżnu djarju ieħor bħal kull sena oħra... jew hu aktar minn hekk?
- Hu bidu ġdid għalik?
- Opportunità ta’ tama ġdida?

L-ewwel qari tal-lum intgħażel proprju għall-ewwel jum tas-sena: il-barka hi għajn ta’ protezzjoni, maħfra, paċi u hena: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jurik il-ħniena... u jagħtik is-sliem!” Il-Mulej irid iħarisna minn kull periklu, minn dak kollu li jista’ jbegħedna minnu. Kemm drabi nippruvaw indawru t-triq b’tagħlim qarrieqi li qed inessuna l-verità dwar it-tifsira ta’ din il-barka! Il-ħarsien ta’ Alla fuqna hu t-tbissima tiegħu lejna... li tfisser it-tjieba tiegħu.
Is-sliem li jrid jagħtina Alla mhux biss ħelsien mill-gwerer u l-ġlied imma anki paċi fil-qlub tagħna, li l-esperjenza tal-bniedem tkun aktar pożittiva - fejn jittaffa l-ġuħ u l-faqar u jonqsu d-diżgrazzji li qed jikkaġunaw tant dwejjaq fid-dinja. Dak li jġib il-vera paċi hu Kristu nnifsu. Isaija jirreferi għalih bħala l-‘Prinċep tal-Paċi’. San Pawl ‘dak li ġie jħabbrilna l-paċi’. Għalhekk għandna għaliex inħossuna grati lejn Marija li permezz tagħha rċevejna dan id-don hekk kbir, Ġesù, li jista’ jbiddel il-ħajjitna.

Kull sena ġdida nibdewha taħt il-protezzjoni ta’ Marija. Il-liturġija tal-lum tiċċelebra l-maternità ta’ Marija – il-mara li tat il-ħajja lill-Iben ta’ Alla magħmul Bniedem għalina. Fil-bidu ta’ sena ġdida mela, ejjew nitolbu l-Mulej il-grazzja li nsiru nafu aktar lil Marija, il-maternità qaddisa tagħha, nifhmu d-dinjità għolja tagħha u napprezzaw l-umiltà profonda li kellha. Marija tagħmlilna faċli biex induru lejha fil-mumenti tqal tagħna għax hi Omm u għalhekk tifhem il-bżonnijiet kollha tagħna. Marija tesprimi l-maternità tagħha fl-għaqda intima li kellha ma’ Alla: “..baqgħet tgħożż f’qalbha u kienet taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha.” Marija hi mudell kbir għall-ħajja ġewwiena tagħna li hi bżonn kbir fid-dinja tal-lum!  F’din is-sena l-ġdida nfittxu li nadottaw dawn il-kwalitajiet li kellha Marija biex b’hekk nimxu ’l quddiem fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn. Hi l-ħajja tagħna f’Alla li tagħmilna persuni sħaħ, li tgħinna ngħixu din is-sena fil-milja tagħha. Marija mhijiex biss mudella imma wkoll Ommna... illum qed tagħtik din il-possibbiltà li tinbidel.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content