Marija Omm Alla Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Marija Omm Alla - Sena Ċ

NAGĦRFU MIN AĦNA KIF JARANA ALLA

Ġwanni ma jidħolx minflok Alla, ma jilgħabhiex tal-Messija. Seta’ jagħmel hekk bil-kumdità kollha għaliex il-poplu kollu kien jaħseb li hu hekk. Ma jabbużax mill-fama li kellu, lanqas mill-kariżma li kien imżejjen biha. Dwaru nnifsu fehem li kien leħen misluf lill-Kelma, li ħajtu kienet strument għall-proġett il-kbir ta’ Alla għall-bniedem. L-akbar wieħed fost il-bnedmin – hekk qal li hu Ġesù – ftit ħaddem dawk il-ħwejjeġ li llum aħna ngħodduhom b’essenzjali biex nibqgħu nissemmew fl-Istorja. Ma kienx industrijalist kbir, lanqas ma kien xi patrun jew inventur. Ma kienx wieħed li sab tarf ta’ xi kriżi internazzjonali, lanqas ma sab il-kura għal xi marda li tifni l-bnedmin. ’Il bogħod minn kollox u minn kulħadd, Ġwanni sab il-bilanċ fih innifsu, sab postu fid-dinja. F’ħajjitna mhux dejjem iseħħilna naqtgħu xewqatna jew ħolmna, jew nagħmlu x-xogħol li għalih tħejjejna. F’dawn iż-żminijiet assurdi li fihom kollox hu prekarju, nistgħu ngħaddu ħajjitna kollha bħal nomadi tal-ispirtu, bla ma nsibu punt ta’ appoġġ li jagħtina sikurezza jew identità. Ġwanni, illum, jurina triq oħra: nagħrfu min aħna kif jarana Alla.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content