Marija Omm Alla Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Marija Omm Alla - Sena Ċ

GĦAĠLA, STAGĦĠIB U GĦOŻŻA!

Madwar xahar ilu, il-Knisja bdiet sena liturġika ġdida. Illum, fil-bidu tas-sena ċivili, il-Knisja tqiegħed quddiemna l-persuna ta’ Marija Omm Alla, verita li l-Insara ħaddnu sa mill-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu u li l-Knisja ddikjaratha bħala tagħlim uffiċjali tagħha fil-Konċilju ta’ Efesu li tlaqqa’ fit-tielet seklu.

Għadna fi żmien il-Milied u l-Evanġelju jippreżentalna x-xena tar-rgħajja li sabu lil Marija u lil Ġużeppi bit-tarbija Ġesù mimdud f ’maxtura. Minn dan il-qari llum nirriflettu fuq tliet frażijiet: waħda dwar irrgħajja, oħra dwar dawk li semgħu x-xhieda tagħhom u l-oħra dwar Marija nfisha.

1. Ir-rgħajja marru jgħaġġlu. Dan is-sens ta’ urġenza jibqa’ jidher f’bosta persunaġġi oħra tul l-Evanġelju. Għal dawk li bħar-rgħajja jirċievu s-sejħa ta’ Alla ma jistax ikun hemm tnikkir. Ma nistax inħalli għall-għada l-qadi tas-sejħa li jagħmilli, la dik li hi għalija personali u lanqas dik li rrid nagħmel għall-oħrajn. Sikwit dawn it-tnejn huma marbuta flimkien. Ir-rgħajja nfushom wara l-esperjenza tagħhom bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar it-tarbija Ġesù.

2. Kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb. Illum bħal donnu li s-sens ta’ stagħġib naqas ħafna f’ħajjitna. Donnu li minħabba l-avvanzi tat-teknoloġija ma għadna nistagħġbu b’xejn lanqas bil-ħwejjeġ il-kbar li għadu jagħmel Alla f ’ħajjitna; il-ġmiel tal-warda, l-għaġeb tat-tlugħ u l-inżul taxxemx, il-miraklu tat-twelid ta’ tarbija. Barra minn dan, fix-xhieda tagħna ta’ Nsara għadna nnisslu sens ta’ stagħġib fl-oħrajn? Ix-xhieda tar-rgħajja fost dawk li semgħu l-esperjenza tagħhom kienet waħda awtentika. Irrakkuntaw dak li għaddew minnu huma stess mhux dak li semgħu jew qraw. Jiena awtentiku fix-xhieda tiegħi dwar Ġesù?

3. Marija baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Nerġgħu naqraw l-istess kliem dwar Marija wara l-ġrajja ta’ Ġesù fit-tempju meta kellu tnax-il sena. Irrelazzjoni ma’ Ġesù ma tistax tkun waħda ta’ drawwa. Il-fidi vera mhix biss aspett kulturali tal-ħajja ta’ poplu. Il-prattika tar-reliġjon mhix sempliċi użanza li trabbejt fiha. Mingħajr sens kontinwu ta’ għożża la hemm relazzjoni, la hemm fidi u lanqas reliġjon.

Jalla matul din is-sena li qed nibdew inħallu lil Alla jkattar fina s-sens ta’ urġenza , ta’ stagħġib u ta’ għożża, kemm fir-relazzjoni tagħna miegħu kemm f’dik mal-oħrajn.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content