L-Immakulata Kunċizzjoni - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-Immakulata Kunċizzjoni
MARIJA LI QALET "IVA"

Bħal kull sena, fil-bidu tal-mixja tal-Avvent, il-liturġija tqegħdilna quddiemna l-figura ta’ Marija ta’ Nazaret: l-“iva” li lissnet ġabitilna s-salvazzjoni.

Qed inħejju ruħna għall-Milied biex ninqabdu, mhux nitħallew. Nintlaqtu bl-aħbar tal-għaġeb ta’ Alla li jsir bniedem, ta’ Alla li jissogra kollox huwa u jsir tarbija dgħajfa. Irġiel u nisa jħabbrulna l-miġja ta’ Kristu fil-glorja, filwaqt li tingħatalna l-grazzja li nilqgħuh fl-istorja personali ta’ kull wieħed. Tabilħaqq: l-Istorja l-kbira tinsab ’il fuq u lil hinn mill-ħila tagħna li nifhmu. Iżda fil-mixja lejn il-milja, il-Kelma u l-Profezija jgħinuna nsawru t-tama, aħna u nistennew il-miġja tal-Mulej tal-glorja. Marija s-sabiħa, it-tfajla ta’ erbatax-il sena minn Nazaret tgħallimna nibqgħu fil-fidi, jum wara l-ieħor. Marija tissuġġerilna nkunu lesti, għax Alla jiġi meta l-anqas inkunu nistennewh, anki fis-satra ta’ toqba f’raħal bħal Nazaret. U biex jitwieled fina Kristu jitlobna nilqgħuh, inkunu disponibbli għalih, ikollna qalb nadifa u safja bħal tiegħu. Qalb li tagħraf lill-anġli u lill-bosta tħabbiriet li jsirulha kuljum. Marija ssir ianua coeli, il-bieb tas-sema li biha Alla jidħol fl-istorja. Jekk inħalluh jaħdem, jekk bħalha, niftħu qlubna beraħ, aħna wkoll insiru għodda f’idejn Alla li jfittex lill-bniedem.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content