L-Epifanija tal-Mulej - Sena Ċ
WARA MIN MEXJIN?
Il-bniedem il-ħin kollu jfittex... ifittex x’sa jilbes, x’sa jiekol, fejn sa jmur. Xi drabi jiġi imb wiċċ ma’ realtajiet li jġegħluh ifittex aktar u tarah jagħmel minn kollox biex jakkwistaha. U hawn insaqsi: dak li nfittxu, qiegħed dejjem iwassalna biex insibu il-ferħ veru? Qed jimlielna qalbna?
Il-festa tal-lum tippreżentalna tliet għorrief li terrqu mil-Lvant għax lemħu kewkba speċjali u ddeċidew li jibdew il-vjaġġ biex jaraw fejn kienet sa twassalhom. Donnhom ħassew imbuttatura li nebbħithom li sa jsibu xi ħaġa aktar, xi ħaġa aħjar! Forsi l-aħjar mod kif insiru midħla ta’ dan il-vjaġġ, hu li nieqfu niflu ftit kif dawn riedu jgħarblu s-sinjali ta’ Alla... u ma jgħaġġlux. Hekk kif ma jilmħux aktar il-kewkba, jieqfu għand Erodi, bil-ħsieb li seta’ jgħinhom. Iżda tqarrqu, għax dan kien mitluf wara l-kilba għall-poter! It-twelid tal-Messija għalih kien ifisser falliment tat-tron! Kemm drabi anki aħna ninqabdu f’din in-nasba u nħallu ’l-oħrajn imexxuna u jkun tard wisq meta nindunaw li nkunu tqarraqna! Kemm drabi naħbtu naqtgħu qalbna u negħjew inkomplu nfittxu d-dawl veru, u b’hekk niġġammjaw fit-talb u fit-tama! Hekk kif il-Maġi ħarġu mingħand Erodi, jerġgħu jilmħu l-kewkba. Il-Vanġelu jgħidilna: “Kif raw il-kewkba, imtlew b’ferħ kbir.” Dan hu fundamentali għal min qed ifittex lil Alla bis-serjetà. U għal dan aħna msejħin li nfittxu dejjem dak li lilna għad iwassalna għal ferħ kbir. It-tiftix ma jitlobx biss perseveranza fil-mixja. Meta wieħed jilħaq u jsib il-għan tiegħu, jesplodi fil-ġenerożità. Meta mmorru quddiem il-Mulej, għandna noffrulu dak li hu l-aħjar. Jekk nibqgħu mitlufin fl-egoiżmu tagħna, hemm ir-riskju li nagħlqu għajnejna għad-dawl u nitilfu l-opportunità li ntiegħmu u ngawdu l-ferħ u l-paċi li hu jaf jagħtina.
Il-festa tal-lum hi okkażjoni ta’ ferħ għax Ġesù mhux biss ġibed lejh lir-rgħajja li kienu qrib il-għar, imma anki nies li kienu jgħixu ’l bogħod. Hawn ried jurina kemm kuħadd hu pprivileġġjat li jsir jafu. Illum qed jistiednek tagħti l-kontribut tiegħek u tissieħeb mal-pjan li fassal biex ngħixu lkoll il-ħolma sabiħa tiegħu: li aħna min aħna, ġejjin minn fejn ġejjin, ngħixu qalb waħda, magħqudin fi mħabbtu. Hu b’dan il-mod li tkun qed tagħti s-sehem tiegħek.