L-Epifanija tal-Mulej - sena B
IL-FESTA TAD-DAWL
Il-maġi ma kinux jafu l-Iskrittura, għalhekk il-Mulej wera ruħu lilhom b’dak li lilhom kien l-aktar magħruf: il-kwiekeb. U dawk in-nies li kienu pagani wrew li kellhom qalb li taf tisma’ bil-ħlewwa. Jekk il-fidi tiġi mis-smigħ, huma ħaddmu din il-fakultà bis-sensi tagħhom kollha: l-għajnejn raw il-kewkba, id-dehen ħalaq is-sens u qagħdu jisimgħu lil min seta’ jurihom fejn kienet tinsab it-tarbija… Fl-istess silta, insibu lil Erodi li, ma ħarisx lejn kewkba, iżda mar jara x’jgħidu il-profeziji ċari tal-Bibbja! B’danakollu, minflok nidem, qalbu aktar ħżienet. Id-dinja tiegħu kienet mimlija wisq bih innifsu biex ikollu post għal Alla. Il-festa tal-Epifanija tfakkarna li Alla jista’ juri ruħu permezz ta’ kull ħaġa. Ix-xkiel għad-dehra tiegħu ma tinsabx fil-ħwejjeġ, imma f’qalb il-bniedem li ma tridx tara. F’din il-festa tad-dawl, għarbel lil qalbek, ara jekk fik hemmx xi xkiel li jifred lilek mit-«tarbija». Ara jekk fik hemmx xi ħaġa li ma tħallikx tithenna hekk kif tilmaħ il-kewkba tiegħu.