L-Epifanija tal-Mulej - Sena Ċ
NINDUNAW BIL-MULEJ FOSTNA
L-Epifanija tal-Mulej, id-dehra tiegħu mhux aktar lill-poplu Lhudi waħdu, imma issa wkoll lill-ġnus. Dawk il-popli li fi kliem Isaija kienu għadhom fid-dlam, issa huma wkoll jistgħu jimxu fid-dija tad-dawl ta’ Alla. Fl-istess waqt, dawk li għal sekli twal kellhom id-dawl, issa bħal donnhom kienu għalqu għajnejhom għalih.
Jgħidilna l-Evanġelista Mattew li meta l-maġi barranin ġew jistaqsu għall-Messija, tħawwad Erodi u Ġerusalemm kollha miegħu. Il-kitbiet tal-profeti dwar din it-tarbija kienu jafuhom. Iż-żmien ukoll kellhom ħjiel tiegħu waqt li l-post kien ilu muri lilhom. Minkejja kollox tfixxklu, u kellhom ikunu l-pagani minn art oħra li ħabbrulhom li l-mistenni tagħhom issa wasal.
Kemm drabi anke lilna jiġrilna l-istess. Poplu li minn għeruqna ħaddanna t-twemmin ta’ Kristu. Art li sa minn elfejn sena ilu kellha isimha miktub fil-Kotba Mqaddsa. Madankollu bosta drabi għalaqna għajnejna għas-sinjali li jseħħu fostna u madwarna. Kemm drabi Hu ġie fostna u ma għarafniehx, forsi bqajna indifferenti? Kemm drabi għażilna d-dlam minflok id-dawl?
Il-laqgħa li Erodi nnifsu kellu mal-maġi ma kinitx ġejja minn xewqa ġenwina li jkun jaf aktar dwar il-Messija, tant li huwa sejħilhom bil-moħbi, għax kull min jagħmel il-ħażen, jobgħod id-dawl u ma jersaqx lejn id-dawl biex għemilu ma jinkixifx (Ġw 3:20). Jista’ jkun li jiena bħal Erodi nagħmel l-istess? Jista’ jkun li l-poplu tagħna, bħal dak ta’ Ġerusalemm jippreferi jagħlaq għajnejh u jsodd widnejh?
Il-kewkba tal-maġi kienet is-sinjal mogħti lilhom minn Alla biex iwassalhom għand Ibnu. Lilna, Alla jagħtina wkoll is-sinjali għal triqitna. Aktarx ma jkunux kwiekeb li jleqqu fis-smewwiet mudlama bħal dik tal-maġi, imma jekk ma nħallux li għajnejna jitgħammxu bi dwalijiet artifiċjali oħra, nindunaw li s-sinjali ta’ Alla jkunu hemm għalina wkoll.
Imbagħad hemm it-triq. Wara l-laqgħa li kellhom mat-tarbija Ġesu, il-maġi telqu lura minn triq oħra. Din nistgħu nifhmuha bħala rotta differenti minn dik li kienu ġew minnha. Imma jekk nirriflettu sewwa nintebħu li dawk li jkunu għamlu l-esperjenza tal-Mulej, bilfors ikollhom jibdlu r-rotta. It-triqat u l-mogħdijiet ta’ qabel ma jkunux għadhom jgħoddu għalihom għaliex it-Triq vera tagħhom issa jkun sar Ġesu nnifsu. U din tkun għalihom Epifanija tassew.