L-Epifanija tal-Mulej - Sena Ċ
NARAW LIL MIN MA JEMMINX JILTAQA’ MA’ ALLA
Il-Milied jgħaġġibna, idawwalna, jistaqsina. Minkejja l-għafġa li għamilna meta għamilnieh qisu fiera kbira ta’ “sentimenti tajba”, il-misteru taċ-ċokon infinit ta’ Alla jimliena bil-għaġeb, u għadu jġiegħel demgħat sħan ta’ faraġ iġelbnu mill-qlub miġruħa.
Il-Maġi la huma tlieta u lanqas slaten; il-magoi, aktarx, huma marbutin mad-dinja Persjana, Iranjana, u mal-fidi Żoroastrijana. Huma wkoll kienu jistennew Salvatur, huma wkoll kienu jħossu l-qasma bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlam, huma wkoll, bħal ħafna, fil-qedem, kienu jorbtu l-ġrajjiet tal-kwiekeb mal-ġrajjiet storiċi. U xtaqu jifhmu x’kellha x’taqsam kewkba partikulari mal-ġirien tagħhom il-Lhud, li huma kienu saru jafuhom fi żmien is-sultan Ċiru li f’Babel kien ħarishom bit-tjieba. Għalhekk telqu għal għonq it-triq biex ifittxu lis-sultan fil-qorti ta’ Erodi, mill-kewkba fehmu li l-art fejn seħħ dak it-twelid hieni kienet il-Palestina. Iżda ġara dak li ma kienx mistenni: ulied Erodi kienu ġa kibru, l-ulied mill-ewwel mara kien qatilhom is-sultan kiefer tal-Idumija: ebda ħoss ta’ biki ma kien jinstema’ bejn il-ħitan ta’ dak is-sultan kiefer. Il-Maġi jerġgħu jaqbdu l-mixja miblugħin. L-istagħġib tal-Milied jissokta: Ġesù jingħaraf mill-pagani li b’ħerqa kbira jfittxu l-verità filwaqt li l-poplu tal-Wegħda jinjorah, hekk jikteb il-Lhudi Mattew. U dan hu r-riskju li jħabbtu wiċċhom miegħu l-komunitajiet Insara tagħna: dak li jaraw lil min ma jemminx jiltaqa’ ma’ Alla; u tant ikunu draw il-fidi li ma jibqgħalhomx aktar kuraġġ ifittxu.