L-34 Ħadd matul is-sena - Sena B - Kristu Sultan
SALTNA TA’ VERITÀ
Fr Edmund Teuma
Is-sena liturġika tagħlaq bil-festa solenni ta’ Kristu Sultan. Dan ifakkarna li hu l-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Aħna ħriġna minnu għax hu l-Kelma li biha sar kollox, u lejh resqin għax kollox irid jinġabar fi Kristu u sa jkun hu li jressaqna lejn il-Missier. San Ġwann fil-Vanġelu joħloq kuntrast bejn Ġesù u Pilatu. Il-gvernatur seta’ jeħilsu kieku ried, iżda għażel li jibqa’ fid-dlam anki meta martu ppruvat tiftaħlu għajnejh. Pilatu beża’ għas-siġġu tas-setgħa u ħalla lil Ġesù jaqa’ f’idejn l-għedewwa tiegħu. Min-naħa l-oħra, Ġesù lil Pilatu għarrfu x’tip ta’ Sultan hu: ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Qallu: “Is-Saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja... Saltnati mhijiex ta’ hawn.” Ġesù għalhekk ġie fid-dinja: biex ixandar Saltna ta’ verità. Kull min iħobb il-verità jisma’ leħnu. Imma nistaqsu u nwieġbu f’qalbna: aħna tassew inħobbuha l-verità?