L-34 Ħadd matul is-sena A
KRISTU HU L-KELMA ĦALLIEQA TA’ ALLA
Is-sena liturġika kull sena tintemm bil-festa solenni ta’ Kristu Sultan. Din il-ħaġa tfakkarna li aħna ħriġna minnu, għax hu l-Kelma ħallieqa ta’ Alla li biha sar kollox, u lejh erġajna sejrin. Is-silta tal-Vanġelu tagħtina deskrizzjoni mistħajla tat-tieni miġja ta’ Kristu fl-aħħar taż-żminijiet biex b’mod solenni “jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin”, kif nistqarru fil-Kredu. Importanti nifhmu li s-silta mhijiex profezija fis-sens li meta jasal il-waqt sa jseħħ eżatt kulma fiha. Hija silta miktuba fi stil imsejjaħ “apokalittiku”, komuni fl-Iskrittura, li jagħtina xbieha poetika u mistħajla ta’ ġrajja li għad trid isseħħ. Kif u meta sa sseħħ ma nafux. Il-messaġġ essenzjali li joħroġ mis-silta hu marbut mal-kmandament tal-imħabba ta’ għajrna: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Meta niġu wiċċ imb wiċċ ma’ Ġesù, mhuwiex sa jistaqsina jekk morniex quddies, kemm somna, kemm għidna rużarji... Dawn kollha tajbin u importanti għalina, l-aktar nett l-Ewkaristija, għax biha rridu ngħixu. Iżda dawn ma jkunu jiswewlna xejn jekk qabel xejn ma jkunux imseħbin mal-imħabba tal-proxxmu li qed ibati u li fih bl-għajnejn tal-fidi naraw lil Alla. “Kemm għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”