L-34 Ħadd matul is-sena - Sena A
KRISTU R-REBBIEĦ
Fl-aħħar taż-żminijiet, quddiem Kristu fil-glorja, x’sa jiġri? Issibuh miktub, aqraw sewwa, u warrbu l-pitazz li fuqu ktibtu bir-reqqa kollha l-ħinijiet tat-talb, il-quddies u l-qrar imġerrgħin b’sabar Nisrani.
Il-Mulej sa jistaqsina jekk għarafniehx fil-fqir, fid-dgħajjef, fl-imġewwaħ, fil-mitluq waħdu, fix-xiħ abbandunat, fil-qarib li jdejjaqna. Iva: sewwa fhimtu. Il-ġudizzju sa jkun kollu kemm hu fuq dak li nkunu għamilna. U fuq jekk għamilniehx bil-qalb jew le. Il-fidi hi konkretezza, mhux kliem, it-talb ibiddel il-ħajja, ma jħeddilhiex, iċ-ċelebrazzjoni tissokta fil-belt, ma tintemmx fit-Tempju. Mela, tabilħaqq, it-talb, l-Ewkaristija, il-qrar, huma strumenti ta’ għaqda ma’ Kristu u bejnietna biex jagħmlu minn ħajjitna l-post tal-fidi. Jekk nagħraf inġorr il-fidi minn ġewwa għal barra, mill-bogħod għall-qrib, u nagħraf wiċċ Kristu miqjum f’wiċċ l-aħwa li magħhom niltaqa’ kuljum, insalva. Ir-regalità ta’ Kristu, illum, tidher fl-imġiba tagħna. Kristu hu Mulej jekk nagħrfu dejjem aktar inħobbu lill-aħwa, insiru bnedmin li fina tidher il-ħniena, xhieda kredibbli tal-ħniena. Kristu jirbaħ jekk l-imħabba tirbaħ. Anki f’ħajti.