L-34 Ħadd matul is-sena Ċ
DAN HU L-MESSIJA, IL-MAĦTUR TA’ ALLA
Hija silta meħuda mill-ġrajja tal-Passjoni kif jirrakkontaha San Luqa. Is-Sultan tagħna, jew aħjar il-Messija-Salvatur tagħna huwa Sultan imsallab, li f’għajnejn id-dinja jidher bla ħila. Id-dinja ma fehmitx il-kliem ta’ Ġesù: “Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12:32). Id-dinja riedet Messija glorjuż li jidher mill-ewwel fil-glorja tiegħu bla ma jgħaddi mit-tixjin tal-passjoni. Għalhekk dak il-kliem iebes: jekk hu l-Messija, ħa jsalva lilu nnifsu! Jekk hu s-Sultan tal-Lhud, ħa jsalva lilu nnifsu! Int m’inix il-Messija, mela salva lilek innifsek u lilna miegħek! Kulħadd l-istess kelma... barra wieħed: “Lanqas minn Alla ma tibża’ int?... Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” Dan emmen f’Ġesù u fil-kitba ta’ fuq is-salib: “Dan huwa s-Sultan tal-Lhud.” Tistagħġbux jekk id-dinja riedet li l-Messija jidher fil-glorja minnufih bla ma juri solidarjetà mal-midinbin, aħna mhux ukoll nixtiquh jagħtina l-grazzji li nitolbuh malajr u mill-ewwel? Ma għandniex sabar ningħaqdu miegħu fit-tbatijiet... nerfgħu salibna u nimxu warajh biex mis-salib, flimkien miegħu, ngħaddu għall-glorja.