L-34 Ħadd matul is-sena Ċ
ALLA TAGĦNA MA JSALVAX LILU NNIFSU, ISALVA LILNA!
Kull sena, fi tmiem iż-żmiien liturġiku, qabel ma tibda l-mixja tal-Avvent, niċċelebraw is-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, kif isejħilha bil-pompa kollha l-Messal.
Il-muftieħ li bih għandu jinqara l-Vanġelu tal-lum jinsab f’dik l-għajta inkwetanti tal-miġemgħa lil Ġesù: “Jekk int is-sultan tal-Lhud, ssalva lilek innifsek.” Frażi li Luqa jqegħedha wkoll fuq fomm il-qassisin u s-suldati pagani: kulħadd jaqbel li hu sinjal ta’ dgħufija li wieħed jiddependi mill-oħrajn. Is-setgħani, hekk kif nistħajluh, huwa dak li jsalva lilu nnifsu, jista’ jaħseb biss fih innifsu, għandu l-mezzi biex ikun sodisfatt, bla ma jeħtieġ xejn mingħand l-oħrajn. Alla huwa dak li aħna ma nistgħux inkunu, is-setgħani tas-setgħana, li jista’ kollox, li ma jeħtieġ xejn u ’l ħadd. Biex jurina li hu veru Alla, Ġesù jrid juri li hu egoista, għax f’did-dinja ċkejkna tagħna, Alla huwa l-egoista l-kbir, hu biżżejjed għalih innifsu, hieni fis-solitudni perfetta tiegħu. Alla jsir il-projezzjoni tax-xewqat l-aktar moħbija u mistura tagħna, hu dak li nammiraw fil-politiku li rnexxa, għani u żgur minnu nnifsu, u għalhekk nippruvaw niġbduh lejna, nixtruh, nikkorrompuh. Le, Alla tagħna ma jsalvax lilu nnifsu, isalva lilna, isalva lili. Alla hu Alla għax jagħti lilu nnifsu, jinfetaħ għalina u jintrabat magħna.