L-34 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-34 Ħadd matul is-sena Ċ
ISSALTAN FIL-QLUB
 
«Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!» Dan tgħidu l-loġika. Hi l-loġika li tmexxi l-politika, il-kummerċ u ħwejjeġ oħra. Jeħtieġ naħsbu l-ewwel fina nfusna. Iżda int, Kristu Sultan, Salvatur tagħna, ma teħtieġx issalva lilek innifsek għax inti s-Salvatur, il-waħdieni! U inti ssalva, l-ewwel nett, sewwasew għax m’intix priġunier tiegħek innifsek. Inti don sħiħ, sal-aħħar qatra demm imxerred għalina, sal-aħħar nifs mogħti lill-Missier. Inti s-Sultan mhux għax taħkem, iżda għax tingħata. U biss f’das-sens issaltan – mhux bħala tirann – issaltan fil-qlub li jħallu l-ġenn ta’ mħabbtek jaħtafhom; aktar loġika minn kull loġika oħra għax fit-tmexxija tiegħek bla tmiem tgħallimna li biss min jintelaq fi ħdanek hu hieni. Fi kliem ieħor, biss min jgħix il-loġika tal-għaqda trinitarja, il-loġika ġewwiena ta’ ħajjet Alla li hi ftuħ u dedizzjoni, jasal għall-hena veru.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content