L-24 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-24 Ħadd matul is-sena A

Kemm-il darba rrid naħfer? Seba’ darbiet? Sebgħa u sebgħin darba? Ftit! In-numru sebgħa fil-lingwaġġ bibliku jfisser infinità. Mela s-seba’ darbiet ta’ Pietru jfissru “dejjem”, u s-sebgħa u sebgħin darba ta’ Ġesù jfissru “dejjem u dejjem!” jiġifieri bla waqfien. Illum għandna wkoll waħda mill-parabboli tas-Saltna, li fiha esaġerazzjoni kbira maħluqa apposta biex issir enfasi li l-maħfra trid tingħata dejjem u f’kull ċirkustanza. Fil-“Missierna” Ġesù għallimna: “Aħfrilna dnubiertna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina.” Dan ifisser li biex naqla’ u nħoss il-maħfra ta’ Alla, l-ewwel irrid naħfer lil min iweġġagħni. Fil-parabbola nsibu s-somma esaġerata ta’ għaxart elef talent li l-qaddej kellu jagħti lil sidu. Għaxart elef talent, jekk inqabblu dis-somma ma’ kemm jiswew il-flus tal-lum, ikollna ngħidu li tilħaq is-somma li gvern irid joħroġ biex ifassal budget għal pajjiż daqs Malta jew ftit akbar. Filwaqt li s-somma l-oħra ta’ mitt dinar, li l-qaddej kellu jieħu mingħand sieħbu hija l-paga li kien jieħu ħaddiem dawk iż-żminijiet fi tliet xhur. Il-paga kienet ta’ dinar kuljum. Somma aktar realistika, għad li anki din ħaddiem kien ibati biex iħallasha. Imma hemm differenza enormi bejn għaxar elef talent u mitt dinar. Id-dejn bla qjies li għandna ma’ Alla jaħfirhulna... iżda aħna għandna ħila naħfru d-dejn ċkejken li ħaddieħor ikollu magħna?


ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content