L-24 Ħadd matul is-sena - Sena A
IL-MAĦFRA
Pietru jagħmel ġest straordinarju, juri li fehem l-istedina ta’ Ġesù li jħobb, jinsab lest li jaħfer sa seba’ darbiet. Ġesù jmur lil hinn: jeħtieġ naħfru dejjem. Kif “dejjem”? Kif jista’ jkun?
In-Nisrani huwa msejjaħ biex jaħfer wara li jifhem kemm inħafer lilu. L-isproporzjon tad-dejn kif naraw fil-parabbola (mijiet ta’ eluf kontra ftit ċenteżmi ta’ Ewro) juri d-differenza bejn il-ġest ta’ Alla u dak tagħna. Aħna msejħin biex naħfru għax aħna ħadna l-maħfra, għax aħna l-ewwel nies li nagħmlu l-esperjenza tal-maħfra mogħtija b’xejn. Iżda fil-parabbola l-maħfra ma tbiddilx qalb il-qaddej: dan ħelisha ħafif, baqa’ ma jistax jemmen, ħassu jinħakem bil-ferħ, iżda ma stagħġibx bil-ħniena tas-sid. Il-maħfra ma biddlitux, ma ġagħlitux jirrifletti, ma ġabitlux indiema skont il-kejl tal-qalb ta’ Alla: il-qalb iebsa tiegħu ma għandhiex ħniena mill-qaddej l-ieħor. Aħna msejħin biex naħfru għax ħadna l-maħfra, mhux għax aħna aktar tajbin. Wisq drabi ninsew xi offiża li ssirilna għax, kollox ma’ kollox, inħossuna aħjar. Jien ma naħfirlekx biex nuri xi ħaġa, iżda għax għandi ħtieġa kbira, għax jekk inżomm f’qalbi nagħmel ħsara aktar lili nnifsi milli lilek, għax neħtieġ intellaq minni l-għadab li jivvelenali ħajti… Bħal Ġesù, nirriskjaw li jwaqqgħuna għaċ-ċajt minħabba dak li nagħmlu, u nisimgħu ’l min jgħid li dik dgħufija. Ftit jimporta: ma nistgħux ma nħarsux lejn l-ieħor b’ħarsa ta’ xi ħadd li qed jifhmu fis-sewwa.