L-24 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-24 Ħadd matul is-sena Ċ
IL-ĦNIENA TA’ ALLA BLA TARF

Il-parabbola tal-Vanġelu ta’ Luqa kulħadd jafha. L-ewwel ħaġa li ninnutaw hi li Ġesù din qalha lill-Fariżej u lill-Kittieba, li kienu qegħdin jitkażaw bil-midinbin, li l-Imgħallem kien jilqagħhom u jiekol magħhom, jiġifieri kien jidħol fi ħbiberija intima magħhom. Il-Fariżej u l-Kittieba kienu jaħsbu, li billi kienu mħarrġin fil-liġi ta’ Alla, kienu meħlusin mid-dnub u ma kinux qegħdin jintebħu li b’hekk kienu qed jaqgħu fid-dnub tal-arroganza spiritwali. Il-parabbola tagħmel enfasi qawwija fuq il-ħniena bla tarf tal-missier, li minkejja li ibnu ż-żgħir qiesu b’mejjet billi ried il-wirt qabel il-waqt, u minkejja li dan telaq ’il bogħod minn dar missieru u tħammeġ man-nisa tat-triq u bil-ħmieġ tal-qżieqeż, hu qagħad il-ħin kollu jistennieh ġej lura u kif lemħu ġej mill-bogħod, mar jilqgħu u ħaddnu miegħu bil-ħmieġ b’kollox u reġa’ żejnu bid-dinjità ta’ bniedem xbieha ta’ Alla. Il-Mulej jaħfer dejjem lil min idur lejh u jitolbu bil-ħniena, anki jekk f’moħħu dan ikollu biss l-intenzjoni li jeħles mit-tbatija materjali ta’ dak il-ħin, bħalma kellu l-iben iż-żgħir. Il-ħniena ta’ Alla bla tarf.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content