L-24 Ħadd matul is-sena Ċ
ALLA JIFRAĦ BIL-KONVERŻJONI TAL-MIDNEB U TAL-BNIEDEM TAJJEB
Ilkoll għandna idea spontanja, mhux maħsuba, ta’ Alla, speċi ta’ reliġjożità naturali fin-natura tagħna. Ġeneralment, iżda, l-idea ta’ Alla li għandna mhijiex eżatta u lanqas mhi waħda sabiħa.
Alla huwa ħniena jgħid San Luqa; Alla huwa ħniena jgħid qablu l-imgħallem tiegħu Pawl fit-tieni qari. Il-ħniena turi s-setgħa fuq kollox ta’ Alla, l-imħabba bla tmiem, ħelwa u matura, li żżiegħel imma titlob ħafna. Turi bis-sħiħ il-wiċċ ta’ Alla. Mela għaliex nibqgħu naħsbu f’Alla bħal għassiesa, imħallef, kap bla qalb? Għaliex nibqgħu nwebbsu rasna u nżommuh ’il bogħod minn ħajjietna u nagħlquh fil-knejjes u fil-ħin li naħtru għar-reliġjon? Il-fidi msejkna tagħna taħseb fil-ħajja fi Kristu bħal prezz li għandna nħallsu lis-setgħa fuq kollox ta’ Alla, mhux bħal laqgħa ta’ ferħ fil-milja tiegħu! Jeħtieġ induru lejn il-ħlewwa ta’ Alla, jeħtieġ nazzardaw u naħsbu f’dak li hu ġie biex jurina. Il-parabboli li smajna jagħtu mbuttatura ’l quddiem lix-xbieba medjokri li għandna ta’ Alla li jiftħu beraħ il-fidi tagħna għall-qalb ta’ Alla. Huma parabboli li ntqalu biex jikkonvertu lit-tajbin, dawk li kienu jaħsbu, kif kienu jgħallmu r-rabbini, li Alla jifraħ bis-salvazzjoni tal-bniedem tajjeb u bit-telfien tal-midneb. Iżda Ġesù dan jaqilbu kollu ta’ taħt fuq: Alla jifraħ bil-konverżjoni tal-midneb u tal-bniedem tajjeb!