L-24 Ħadd matul is-sena Ċ
ĦARSET IL-MULEJ TINSAB FUQNA
«Kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu.» Dan il-vers ġabli f’moħħi frażi ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù li kienet qanqlitni minn ġewwa. Kitbet il-qaddisa: «L-għarus tagħkom qatt mhu sa jitlaqkom bil-ħarsa tiegħu.» Ħarset il-Mulej tinsab fuqna, fuqi u fuqek personalment, u mhijiex ħarsa ta’ kurżità, iżda ħarsa ta’ attenzjoni u mħabba. Anzi, kif jurina l-verb ta’ wara fil-vers ikkwotat, hija ħarsa ta’ kumpassjoni. Il-Mulej iħares l-eżistenza tiegħek bil-ħlewwa, b’“simpatija”, filwaqt li jħoss u jifhem it-taħbit tiegħek, it-taqbid tiegħek, it-tamiet u l-ferħat tiegħek. «B’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu»: dan hu li jiġri minn dejjem. Hekk sa jiġri lilek jekk, bħall-iben il-ħali, terġa’ tidħol fik innifsek tfittex lill-Maħbub li ma jħarisx lejk mill-bogħod, iżda hu eqreb lejk minnek innifsek. Il-Missier ta’ din il-parabbola għandu qalb ta’ omm, għandu l-ġewwieni ta’ omm. U tajjeb naħsbu li f’Marija ried jagħtina l-wiċċ uman ta’ din l-imħabba divina.