L-20 Ħadd matul is-sena B
IR-RIEDA!
Anki għal widnejn nies li fil-ġisem jaraw is-sebħ ta’ Alla, kliem Ġesù fuq l-ikel ta’ ġismu u x-xorb ta’ demmu jdoqq ħażin, isibuh tqil u ma jifilħux jisimgħuh. B’danakollu hu b’dak il-kuntatt ġisem ma’ ġisem li Ġesù ried iwaqqaf rabta aktar intima bejn ruħna u Alla. L-ikel tal-ġisem ta’ Kristu huwa l-ogħla ġrajja mistika: huwa d-dħul fil-ħajja intima tal-Missier u tal-Iben: «Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.» Meta nieklu l-ikel li nieklu jinbidel fina. Mhux hekk bil-ġisem ta’ Kristu: min jiekol lil Kristu jgħix f’Ġesù u Ġesù jgħix fih. Iżda filwaqt li l-bidla tal-ikel fina sseħħ bla ma rridu aħna, l-ewwel organu li jrid jingħaqad ma’ Kristu huwa r-rieda. Pawlu jħeġġiġna: «Għalhekk tkunux bla għaqal, imma fittxu x’inhi r-rieda tal-Mulej.»